L-elezzjonijiet fil-Libja se jsiru sa Diċembru 2021

Fil-Libja ntleħaq ftehim bejn il-partijiet Libjani sabiex l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari jsiru sal-24 ta’ Diċembru 2021.

Malta laqgħet dan il-ftehim u appellat lil-Libjani kollha u lill-komunità internazzjonali biex jimxu ma’ dan il-ftehim u b’hekk jippermettu lill-poplu Libjan ikompli fi triqtu lejn it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet sovrani u demokratiċi.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej qal li Malta laqgħet l-eżitu tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan (LPDF) li sar bejn is-7 u l-15 ta’ Novembru 2020 abbażi tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Berlin.

Il-Ministeru żied li dan is-suċċess isegwi u jibni fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied tat-23 ta’ Ottubru 2020.

Il-Gvern awgura li t-taħditiet li bħalissa għadhom għaddejjin iwasslu għal aktar kisbiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan politiku. Żied li Malta se tkompli tappoġġa dan il-proċess billi tiggwida l-perjodu ta’ tranżizzjoni, tistipula termini għall-approvazzjoni ta’ awtorità eżekuttiva ġdida u tiżgura li l-arranġamenti kostituzzjonali jkunu fis-seħħ inkluż għaż-żamma ta’ elezzjonijiet.