L-elezzjoni żżid ir-riskju ta’ attakk ta’ qalb fost il-Maltin

Huwa fatt magħruf li l-Maltin jieħdu l-elezzjoni bis-serjetà iżda studju li sar matul din is-sena wera kemm iż-żejjed, bħan-nieqes, jista’ jkun ħażin.
L-istudju, ippubblikat fuq Malta Medical Journal, sab li fis-sena tal-elezzjoni, iżda mhux biss, jiżdiedu dawk li jmutu minħabba kundizzjonijiet tal-qalb.
Ir-riċerkaturi analizzaw ir-rabta bejn ir-rata tal-imwiet u l-elezzjonijiet f’Malta fil-perjodu ta’ bejn l-1985 u l-2013. Matul dawn it-28 sena, f’Malta kien hawn seba’ elezzjonijiet ġenerali u żewġ referenda.
L-istudju jqassam dawn it-28 sena f’tabelli differenti. Dan ifisser li r-riċerkaturi ma ħarsux biss lejn is-sena partikolari li fiha seħħet elezzjoni, imma anke lejn is-snin ta’ qabel u ta’ wara.
Wara li ġiet analizzata d-data, ir-riċerkaturi sabu li l-probabbiltà li persuna tmut kawża ta’ problemi fil-qalb tiżdied b’mod sinifikanti fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni u fis-sena li ssir l-elezzjoni.
Ir-riskju jibqa’ aktar b’saħħtu fis-sena tal-elezzjoni fejn l-istudju sab li r-riskju li wieħed imut bi problemi tal-qalb f’dik is-sena huwa 1.058 aktar mis-snin l-oħra.
L-istudju jsemmi l-attakk ta’ qalb bħala l-aktar kawża ta’ mewt komuni, fost il-kundizzjonijiet l-oħra tal-qalb, li biha jmutu nies fis-sena tal-elezzjoni.
Is-suwiċidju jonqos fis-snin tal-elezzjoni
Apparti l-kundizzjonijiet tal-qalb, ir-riċerkaturi analizzaw data dwar ir-rati tas-suwiċidju f’Malta fl-istess perjodu. L-istudju sab li fis-sena tal-elezzjoni u anke fis-snin ta’ qabilha u warajha, jonqos sostanzjalment is-suwiċidju.
Ir-riċerkaturi argumentaw li fis-snin tal-elezzjoni, in-nies iħossuhom aktar involuti u jkollhom xi ħaġa fuq xiex jiffukaw u jħarsu ‘l quddiem għaliha. Kif sabu Petterson u Pegg fl-1999, meta persuna tħossha involuta u jkollha x’tagħmel, hemm inqas ċans li tikkunsidra s-suwiċidju jew inkella li tweġġa’ lilha nnifisha.
X’jista’ jsir biex jonqos ir-riskju?
L-istudju ma waqafx hemm, imma ħareġ b’diversi proposti biex wieħed iqajjem kuxjenza u jnaqqas ir-riskju.
Ir-riċerkaturi appellaw lid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard biex joħloq kampanja ta’ kuxjenza biex wieħed jkun kapaċi jagħraf kmieni s-sintomi ta’ problemi tal-qalb.
Appellaw lil dawk li jbatu minn kundizzjonijiet tal-qalb biex iżuru lit-tabib jew l-ispeċjalista tagħhom għal testijiet regolari, aktar u aktar jekk jieħdu l-elezzjoni bis-serjetà.
Fost appelli l-oħra, l-istudju ppropona kampanji li jippromovu l-eżerċizzu fiżiku u anke l-passatempi fi żmien l-elezzjoni, biex dawk li huwa akkaniti jaljenaw ruħhom minn żmien għal żmien u anke kampanja speċifika li tinforma lill-pubbliku dwar kif jista’ jieħu ħsieb saħħtu u jevita stress żejjed fi żmien l-elezzjoni.
Il-Psikjatra Dr Mark Xuereb kien qal, waqt il-programm Follow-Up fuq RTK li fi żmien l-elezzjoni kienu żdiedu t-talbiet għall-għajnuna psikjatrika.