L-elezzjoni tal-Kap tal-PN għat-3 t’Ottubru

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data PN fi stqarrija qalet li l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed issir fit-3 t’Ottubru li ġej. Il-votazzjoni se tkun mifruxa fuq ħamest ijiem bl-iskop li jkunu osservati d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika minħabba l-pandemija COVID-19.

In-nominazzjonijiet għal din l-elezzjoni se jkunu miftuħa minn għada l-Ħadd 13 ta’ Settembru f’12pm u jagħlqu l-Ġimgħa 18 ta’ Settembru f’12pm. In-nominazzjoni trid tkun sekondata minn tal-inqas tliet membri tal-Grupp Parlamentari, ħames membri tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali, minn 10 membri tal-Kumitat Eżekuttiv, minn 50 membru tal-Kunsill Ġenerali, u 50 tesserat tal-Partit.

Il-ġranet għall-votazzjoni kmieni se jkunu l-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, is-Sibt 26 ta’ Settembru, L-Erbgħa 30 ta’ Settembru (għal persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà u għal dawk li jeħtieġu assistenza biex jivvutaw), il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru u l-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru.

Il-Kummissjoni qalet li l-informazzjoni dettaljata dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-votazzjoni ser jingħataw iktar ‘il quddiem.

Din l-istqarrija ħarġet hekk kif intemm il-proċess tal-verifika ta’ Adrian Delia u ta’ Bernard Grech. Dawn kienu l-unika żewġ tesserati li ddikjaraw l-interess tagħhom għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.