Aġġornata: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jikkontesta bħala nulla u bla effett id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-bieraħ, li s-siġġu parlamentari vakat minn David Stellini, jimtela, permezz ta’ co-option minn Jean Pierre Debono.

It-taqtigħa għal dan is-siġġu kienet bejn l-Għawdxi Kevin Cutajar u Jean Pierre Debono, li wara li tela’ fil-Parlament fl-elezzjoni tal-2017 ċeda s-siġġu tiegħu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.  Ilbieraħ Debono kiseb 42 vot, filwaqt li Cutajar ġab 40 vot.

Filmat: Jean Pierre Debono se jieħu post David Stellini fil-Parlament

F’ittra lil Dr Delia (aqra l-ittra sħiħa hawn taħt), lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u lill-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, il-Kumitat spjega li qed jikkontesta d-deċiżjoni għax fi kliemu: 1) tmur kontra l-istatut tal-PN għax David Stellini tħalla jivvota, minkejja li rriżenja minn MP u d-dritt tiegħu li jivvota jiġi awtomatikament miċħud; u 2) tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-liġijiet elettorali, għax l-MP li jieħu post ieħor għandu kemm jista’ jkun jirrappreżenta l-istess interessi ta’ qablu. Fi kliem il-Kumitat, f’dan il-każ hemm fin-nofs il-ħarsien tal-interessi tal-votanti u tal-kostitwenti Għawdxin.

Il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex qed ileħħen in-nuqqas ta’ qbil għad-deċiżjoni tal-Eżekuttiv, li permezz tagħha, għal bosta, speċjalment Għawdxin, Kevin Cutajar tilef “dritt dovut lilu”.

Aqra: X’fiha l-iskrittura li semma Arrigo? 

Id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said ilbieraħ stqarr li l-Għawdxin huma diżgustati u fi kliemu bir-raġun. Saħaq li qed jikkunsidra l-pass li jmiss, madanakollu ma daħalx f’dettall dwar x’jista’ jkun dan il-pass. Il-Ġimgħa Said kiteb pubblikament li jemmen li s-siġġu għandu jimtela minn Għawdxi, u għadda l-messaġġ lil dawk fil-Kumitat li Kevin Cutajar jixraqlu jieħu s-siġġu.

Aqra: Għandu jkun Għawdxi – Said

X’qed jitlob il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex?

Il-Kumitat għalaq l-ittra billi talab lill-Amministrazzjoni tal-PN biex qabel ma titressaq b’mod uffiċjali l-co-option għas-siġġu vakat minn David Stellini:

  • jitressaq dan il-każ quddiem l-Amministrattiv tal-PN,
  • jinvestigaw min kien responsabbli fit-tfassil tal-lista ta’ votanti u għar-raġuni għaliex din ma ġietx aġġornata,
  • tiddikjara l-vot meħud bħala null u bla effett, u
  • li terġa’ tressaq mill-ġdid għall-vot, biex il-post vakat jimtela minn dik il-persuna li titqies li kemm jista’ jkun, ikollha l-istess interessi u fehmiet li kien jidher għalihom u li kellu Stellini.

Il-Kumitat Għawdxi saħaq li jekk l-Amministrazzjoni ma tweġibx sas-6pm, il-kumitat ikun jista’ jieħu passi ulterjuri, skont l-istatut jew skont il-liġi.

AQRA L-ITTRA SĦIĦA: Ittra Kunsill Reġjonali Għawdex

 

B’referenza għal min irid jispekula, jiena żammejt ir-responsabilta tiegħi billi: ⁃ Bħala uffiċċjal tal-Partit ma…

Posted by David Stellini on Sunday, June 2, 2019