L-elezzjoni għall-kap tal-PN fil-bidu ta’ Ottubru – Fenech

Read in English.

Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech qal li l-elezzjoni għall-kap tal-partit mistennija ssir bejn l-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Ottubru.

Dan ħabbru lbieraħ waqt il-programm Focus fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista. Kien ukoll irrappurtat fuq il-ġurnal online tal-istess partit.

Kien irrappurtat kif Fenech, waqt il-programm, qal li hemm mas-26,000 tesserat li se jkunu eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni. Intant ħeġġeġ lil dawk it-tesserati li għadhom ma ħallsux it-tessera tagħhom biex jagħmlu dan sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Settembru. Bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru se jkunu qed jintbagħtu ittri lit-tesserati fejn jimlew id-dettalji aġġornati tagħhom u din l-informazzjoni tintuża biex tkun aġġornata l-informazzjoni tal-partit wara l-elezzjoni.

Intant, semma li l-ħlasijiet pendenti tat-tessera se jkunu aċċettati sa għaxart ijiem qabel id-data tal-Konvenzjoni Ġenerali. Din id-data se tkun imħabbra b’mod definit kif jintemm l-iskrutinju taż-żewġ kandidati. L-elezzjoni se tkun ikkontestata mill-Kap tal-PN kurrenti Adrian Delia u Bernard Grech.

Ir-rapport jgħid ukoll li Fenech ħabbar li se jkun hemm 17-il post użat għall-votazzjoni. Dawn huma 15-il każin tal-PN, id-Dar Ċentrali u l-AŻAD fil-Belt Valletta. Intant, il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ qabel l-elezzjoni se jkun qed isir l-early voting.

Fl-aħħar jiem l-esperti esterni li qed iħejju r-rapport tad-due diligence dwar il-kandidati prospettivi għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista talbu aktar informazzjoni mingħand il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat mingħand sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista li l-istess esperti lestew ir-rapport dwar Bernard Grech. L-istess sorsi qalu li r-rapport dwar Adrian Delia għadu mhux konkluż u tawh ċans sal-lum biex jissottometti aktar informazzjoni u dokumenti. Bernard Grech qal li se jippubblika r-rapport hekk kif jingħatalu mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Kandidati mmexxija minn Colin Bowman ħatret kumitat ta’ esperti li xogħlhom huwa li issir evalwazzjoni taż-żewġ kandidati. Skont ma jitlob l-istatut tal-PN, din l-evalwazzjoni trid issir fuq l-idoneità, li Bowman ikkonferma li kemm Delia kif ukoll Grech huma idonei biex isiru Kap, kif ukoll mil-lat ta’ diliġenza pruvata. Skont l-informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, għal din tal-aħħar jidher li l-kumitat ta’ esperti qed jistenna aktar dokumenti mingħand Delia.

Il-kumitat għandu sitt ġimgħat ċans mill-10 ta’ Awwissu biex jissottometti r-rapporti lill-Kummissjoni Kandidati.