L-elezzjoni għal Kap tal-PN se ssir kif ippjanat: X’miżuri se jittieħdu?

Photo: Partit Nazzjonalista

Read in English.

L-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonlista se ssir kif ippjanat, minkejja l-appell tal-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo li l-elezzjoni tiġi posposta kif ukoll wara li mart Bernard Grech, wieħed mill-kandidati, irriżulta li għandha l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet li ħadet nota ta’ dak li ppubblika l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo aktar kmieni llum, meta huwa qal li hu mħasseb fuq l-elezzjoni minħabba l-għadd kbir ta’ każijiet, speċjalment għax wieħed mill-kandidati qiegħed kwarantina. Il-Kummissjoni qalet, iżda, li m’hemmx bażi għal din it-talba.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li ilha ġimgħat tikkonsulta dwar il-mod kif kellha torganizza din l-elezzjoni fl-aktar ambjent san minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Stqarret li l-fatt li mart Bernard Grech instabet pożittiva ma tbiddel xejn mill-preparazzjonijiet u ma żżid l-ebda pressjoni għal min kien diġà organizzat.

Il-Kummissjoni sostniet li dejjem poġġiet is-saħħa tat-tesserati fuq quddiem nett f’kull kunsiderazzjoni li ħadet u dejjem iddikjarat li l-elezzjoni ssir bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tassigura li l-votazzjoni ssir f’rispett sħiħ għas-saħħa ta’ kull votant. Kien għalhekk li minkejja li f’ċirkostanzi normali ġurnata waħda biss kienet tkun biżżejjed biex issir elezzjoni bħal din (hekk kien sar tliet snin ilu), il-Kummissjoni qed torganizza l-votazzjoni mifruxa fuq sitt ijiem għal ħinijiet twal propju sabiex tassigura li l-votanti jkunu jistgħu josservaw id-distanza soċjali kif rakkomandat mill-awtoritajiet.

X’miżuri se jittieħdu fl-elezzjoni għal Kap tal-PN?

Il-Kummissjoni qalet li:

  • Se tiffumiga kull post tal-votazzjoni.
  • Se tagħti permess li kull tesserat iġib il-lapes jew pinna tiegħu.
  • Se tassigura li se tinżamm id-distanza soċjali fl-eventwalità li jkun hemm kju barra kull każin.
  • Se tassigura wkoll li kull votant ikun liebes il-maskra jew visor.
  • Se tittieħed it-temperatura ta’ kull persuna qabel din tidħol fil-post tal-votazzjoni.
  • Se jiġi assigurat li kulħadd jaħsel idejh bi spirtu diżinfettant qabel jidħol fil-post tal-votazzjoni u anke meta jlesti mill-votazzjoni.

Il-Kummissjoni ħeġġet lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħdu sehem f’din l-elezzjoni u jikkoperaw mad-direttivi kollha rigward il-COVID-19, kif kull ċittadin hu mistenni li jagħmel f’kull attività oħra.