L-Electrogas tirrapporta lill-Pulizija dwar vjolazzjoni fis-sistema tal-IT tagħha

Il-konsorzju li jmexxi l-powerstation ta’ Delimara, l-Electrogas, qal li rrapporta lill-Pulizija dwar possibilment vjolazzjoni fis-sistema tal-IT tal-kumpanija, u dan wara r-rivelazzjonijiet ta’ jumejn ilu minn The Daphne Project.
Skont ma ntqal mit-Times of Malta, li tifforma parti minn dan il-proġett, l-Enemalta u l-Electrogas huma obbligati li fuq perjodu ta’ 10 snin jixtru b’biljun dollaru gass mis-Socar tal-Ażerbajġan. Sa April 2022 huma obbligati jħallsu €9.40 għal kull unit.
Skont dawn id-dokumenti, il-Gvern Malti żamm sigriet li s-Socar tixtri l-gass mingħand il-kumpanija Shell. Peress li l-prezz tal-fjuwil tbaxxa ħafna qed jiġri li s-Socar tixtri bl-irħis mix-Shell u tbiegħu bil-għoli lil Malta.
Minħabba f’hekk id-ditta Socar qalgħet mat-€32.7 miljun fi profitti minn dan in-negozjar, u għalhekk matul l-2017 Malta xtrat il-gass bi prezz li huwa d-doppju tal-prezz tas-suq.
Iżda l-kwistjoni li l-Electorgas tqajjem hi dwar l-ammont massiċċ ta’ 680,000 dokument li żgiċċaw mill-kumpanija għal għand il-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia, li ovvjament issa qegħdin għand The Daphne Project.
L-Electrogas qal li r-rapport mat-Taqsima tal-Kriminalità Ċibernetika għamlu sabiex jipproteġi informazzjoni sensittiva relatata mal-kumpanija, l-istaff u msieħba oħra, liema informazzjoni l-konsorzju jrid jipproteġi, bil-liġi.
Fl-istqarrija ġie kkjarifikat ukoll li l-Electrogas tipprovdi s-servizz lill-Enemalta, u t-tender biex tipproduċi l-enerġija bil-gass rebħitu wara proċess trasparenti fl-2013.
L-azzjonisti (shareholders) tal-Electrogas huma l-kumpanija Ġermaniża Siemens, il-kumpanija tal-Istat Ażerbajġani Socar, u GEM Holdings Ltd, konsorzju Malti.