Aġġornata: Irtirata d-deċiżjoni tal-ELC li tissensja “mal-200” ħaddiem

Read in English.

Il-Gvern qal li l-ittra ta’ sensja li rċevew il-ħaddiema tal-kumpanija Environmental Landscapes Consortium Limited (ELC) se tiġi rtirata.

Il-Ministeru għall-Ambjent qal dan wara li l-ELC tat is-sensja lil madwar 200 ħaddiem li jaħdmu fi ħdanha. Newsbook.com.mt kien mgħarraf b’dan minn sors qrib il-kumpanija. Il-kumpanija kienet tieħu ħsieb it-tisbiħ ta’ spazji pubbliċi għal xi snin fost oħrajn.

Wara li l-każ ġie rrappurtat fil-midja, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha qal li “il-ħaddiema huma garantiti x-xogħol tagħhom.”

Il-Gvern qal li jrid jassigura li x-xogħol marbut mat-tisbiħ u landscaping, li preżentament huwa provdut mill-konsorzju ELC, ikompli jingħata u li dan s-servizz jiġi mtejjeb.

“Il-ministeru jsostni li diġà skatta l-proċess sabiex tkun tista’ tinħareġ is-sejħa pubblika. Dan qiegħed iseħħ anka wara r-rakkomandazzjonijiet identifikati fir-rapport maħruġ mill-Awditur Generali matul l-2017 dwar dan il-kuntratt li beda fl-2002 u baqa’ jiġi mġedded b’mod sussegwenti mingħajr l-ebda sejħa pubblika.”

“Il-ministeru għaddej b’diskussjonijiet avvanzati mal-konsorzju eżistenti biex jintlaħaq ftehim li jkopri perjodu  tranżitorju. Permezz ta’ dan kollu, kif ukoll bis-saħħa tad-direttivi Ewropej dwar transferiment ta’ undertakings f’każ li dan il-kuntratt jintrebaħ minn ħaddieħor, il-ħaddiema huma garantiti x-xogħol tagħhom.”

Aktar kmieni llum, f’ittra li ntbagħtet mill-kumpanija lill-impjegati tagħha u li waslet għand Newsbook.com.mt, il-kumpanija spjegat li l-kuntratt tal-Public-Private Partnership l l-ELC għandha mal-Gvern Ċentrali huwa prevvist li jiġi fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru tal-2019.

Fl-ittra l-kumpanija spjegat li għamlet diversi tentattiv biex jiġġedded il-perjodu sabiex ikun wieħed realistiku. Madanakollu sa issa qalet li għadha ma waslet għall-ebda konklużjoni favorevoli mal-Gvern. Qalet li minħabba f’hekk, il-kumpanija ma tħallietx b’alternattiva oħra ħlief li tagħti sensji kollettivi lill-ħaddiema kollha li għandha fil-kotba tagħha.

Intqal li l-ħaddiema fadlilhom impjieg sal-31 ta’ Diċembru tal-2019. Il-ħaddiema kollha se jispiċċaw bla impjieg mill-1 ta’ Jannar tal-2020.

Is-sors spjega li grupp ta’ ħaddiema li ilhom jaħdmu fil-kumpanija rċevew l-ittra tagħhom illum. Qal li jidher li l-ittri qed jintbagħtu ftit ftit lill-impjegati tal-kumpanija.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-kumpanija nnifisha li rrifjutat li tati kumment dwar is-sitwazzjoni. Risposta simili ngħatat mill-kelliem tal-Ministeru għall-Ambjent, li miegħu kellha l-kuntratt il-kumpanija. Il-kelliem qal li filwaqt li f’dan iż-żmien il-Ministeru mhux lest li jikkummenta dwar is-sitwazzjoni, bħalissa hemm dikussjonijiet għaddejjin li waslu f’punt kritiku. Qal li fiż-żmien li ġej il-Ministeru se jkun qed jitkellem b’mod uffiċċjali dwar l-iżviluppi.

F’Awwissu li għadda, il-konsorzju ELC qal li mhux se jkompli jieħu ħsieb it-tisbiħ ta’ spazji pubbliċi li skont l-Awditur Ġeneral sewa lill-pajjiż aktar minn €100 miljun fi 15 –il sena. Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent kien qal li qiegħed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi fejn numru ta’ kunsilli lokali ġew infurmati mill-ELC illi mhux se jġeddu l-kuntratti dwar xogħol relatat ma’ landscaping kif ukoll manutenzjoni ta’ ċerti spazji miftuħa oħra f’lokalitajiet diversi.

“Jum ta’ niket għall-impjegati tal-ELC” – Cassola

Il-Professur Arnold Cassola qal li huwa jum ta’ niket għall-mijiet ta’ impjegati tal-ELC. Qal li jinsab mgħarraf li mal-100 familja se jiġu affettwati. Sostna li għal dawn il-familji, żgur dan mhux ‘l-aqwa żmien’. Sostna li dawn is-sensji għandhom iservu bħala riflessjoni għall-Prim Ministru Joseph Muscat.