L-eksprosekutur kontra l-korruzzjoni se jiltaqa’ ma’ Bonnici

L-eksmaġistrat kontra l-korruzzjoni, eksminisrtru Taljan kif ukoll eksmembu tal-Ġudikatura, Antonio di Pietro, laqa’ l-istedina tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt żvela li t-talba tal-Ministru Bonnici saret permezz tal-Ambaxxata Taljana f’Malta, jiem wara li tħabbar li Di Pietro ġej Malta.
Di Pietro huwa magħruf għall-investigazzjonijiet kontra t-tixħim ta’ politiċi u imprendituri, bl-isem ta’ Mani Pulite fis-snin 90.
Hu u t-tim tiegħu kienu kixfu għanqbuta ta’ korruzzjoni fl-Italja, li l-midja Taljana sejħitilha Tangentopoli.  Dawn l-investigazzjonijiet kienu wasslu għal bosta riformi fis-sistema politika.
Sadanittant, ilbieraħ Newsbook.com.mt bagħat dawn il-mistoqsijiet lill-kelliem tal-Ministeru għall-Ġustizzja li baqgħu mhux imwieġba:
1.   Għaliex il-Ministru Bonnici ħass il-bżonn li jiltaqa’ mal-eksprosekutur kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro?
2.   L-organizzaturi tad-dimostrazzjoni li mistenni jitkellem fiha, infurmati dwar dan?
3.   Il-Ministru se jattendi għad-dimostrazzjoni tal-Ħadd li ġej?
4.   F’każ li ssir il-laqgħa bejn il-Ministru u Di Pietro, se tkun miftuħa għall-midja?
Newsbook.com.mt ċempel ukoll lill-Ministru Bonnici, li min-naħa tiegħu qalilna li kien se jwieġeb lura, iżda dan ma sarx.
F'intervista li se tixxandar fil-programm Newsline nhar is-Sibt li ġej, Di Pietro jgħid li t-tim investigattiv kien inħoloq biex jekk hu jinqatel, il-kumplament tat-tim ikun jista' jissokta bl-investigazzjonijiet.
Antonio di Pietru nġieb Malta min-netwerk tas-Soċjetà Ċivili biex jitkellem fil-protesta tal-Ħadd.