​”L-ekskanvażer ta’ Bartolo kien jiġbor iċ-ċekkijiet tal-FTS”

L-amministrazzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) kienet taf li ċ-ċekkijiet biex jitħallsu l-kuntratturi kienu jinġabru mill-ekskanvażer tal-Ministru Evarist Bartolo, Edward Caruana, skont ħaddiem tal-FTS.
Illum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Caruana li fiż-żmien li seħħ l-allegat abbuż kien jaħdem bħala uffiċjal fi ħdan l-FTS.
L-ekskanvażer ta' Evarist Bartolo qed jiġi akkużat li esiġa ħlasijiet permezz ta’ theddid jew abbuż ta’ awtorità u bl-użu ta’ dokumenti falsifikati fost akkużi oħra. Hu wieġeb mhux ħati.
F’Diċembru tal-2017, il-Qorti kienet qalet li hemm biżżejjed evidenza kontrih u tpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Ħaddiem tal-FTS illum qal li Edward Caruana kien talbu biex jagħtih iċ-ċekkijiet għall-kuntratturi biex allegatament “ikun jista’ jikkoordina xogħlu aħjar”. Hu tah iċ-ċekkijiet wara li rċieva l-permess tas-superjuri tiegħu. Minkejja li ngħata l-permess, qal li t-talba ta’ Caruana kienet waħda stramba.
Skont il-proċeduta tal-FTS, il-kuntratturi kellhom jiġbru ċ-ċekkijiet wara li jippreżentaw l-irċevuta u jiffirmaw reġistru. Fil-każijiet taċ-ċekkijiet li ġabar Caruana, ħadd ma ffirma għalihom. Il-ħaddiema qal li Edward Caruana kien jiġbor l-irċevuti hu wkoll.
Fil-Qorti xehed ukoll ħu Edward Caruana, Joseph Caruna, eks segretarju permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Qal li kien talab il-Pulizija tinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ frodi fil-konfront ta’ ħuh wara rapport li dehru fil-midja f’April tal-2016. Wara, reġa' bagħat imejl oħra biex ifakkar lill-Pulizija biex tinvestiga l-każ.