L-ekseditur ta’ L-Orizzont jieħu ħsieb il-PQs

L-eskeditur tal-ġurnal L-Orizzont Josef Caruana qed jagħmel xogħol fit-taqsima li tieħu ħsieb il-mistoqsijiet parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan intqal mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta llejla kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. Żied jgħid li Caruana beda l-impjieg tiegħu f’din it-taqsima fid-19 ta’ Lulju.
Kien Newsbook.com.mt li fis-7 ta’ Lulju li għadda żvela li Caruana kien se jibda jaħdem Kastilja. Dan ġie kkonfermat minn Caruana stess, li dakinhar stqarr li kien għadu ma spiċċax mix-xogħol ta’ editur u li kien għadu ma jafx eżatt x’se jirrekjedi x-xogħol il-ġdid.
Isma' l-kumment ta' Josef Caruana lil Newsbook.com.mt
Għal numru ta’ ġimgħat, Caruana kien fiċ-ċentru tal-kontroversja minħabba l-kummenti u t-tip ta’ lingwaġġ li uża fil-konfront tal-midja indipendenti, il-midja tal-Knisja, il-Knisja nnifisha u anke l-Arċisqof.
Anke l-Prim Ministru u l-General Workers’ Union, li f’isimha joħroġ il-ġurnal, kienu kkundannaw l-editorjali tiegħu.