L-eks Sindku ta’ Tas-Sliema allegatament iddipożita €25,000 f’ċekkijiet foloz fil-kont tiegħu

Spettur tal-Pulizija xhed fil-Qorti dwar kif l-eks Sindku ta’ Tas-Sliema Nikki Dimech iddipożita ċekkijiet foloz fil-kont bankarju tiegħu.

L-ispettur tal-Pulizija Angelo Gafa qal li Dimech ta’ 33 sena rċieva ċekk mill-accountant tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma. L-accountant Victor Testa huwa ħabib tal-qalb ta’ Nikki Dimech.

Iċ-ċekkijiet kienu miktuba lill-kuntrattur Charles Polidano ta’ xi xogħolijiet, iżda Dimech allegatament iffalsifika l-firma ta’ Polidano fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċekkijiet.

It-tliet ċekkijiet depożitati kienu jammontaw għal €25,000. Żewġ ċekkijiet oħra ingħataw lil raġel li kien qed jistenna ħlas mingħand Dimech.

Fil-kontro-eżami ngħad li Dimech wettaq xi xogħol għal Polidano waqt l-investigazzjoni tat-Tax Compliance Unit, għax kien falla milli jħallas aktar minn €2 miljun f’taxxa.

Dimech kellu ftehim ma’ Polidano fejn seta’ jirrappreżenta lil Polidano fl-investigazzjoni u jirċievi 2.5% tal-flus li jirnexxilu jsalva. Polidano ċaħad li Dimech għamillu xi xogħol u nsista li l-pagament ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ għax kien iffalsifika l-firem.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat li jkunu ffriżati €25,000 mill-kont ta’ Dimech.