L-eks President tal-Korea t’Isfel teħel 24 sena ħabs minħabba korruzzjoni

L-eks President tal-Korea t’Isfel Park Geun-hye ngħatat sentenza ta’ 24 sena ħabs wara li nstabet ħatja ta’ abbuż ta’ poter.
Il-verdett ġie mxandar live u jwassal għall-qofol ta’ skandlu li heżżeż lill-pajjiż. L-iskandlu wassal għal rabja kbira lejn il-politiċi u n-negozjanti.
Skont il-BBC, Park li ngħatat ukoll multa ta’ madwar €14 miljun kienet qed tiffaċċja għadd ta’ akkużi b’rabta mal-korruzzjoni. Hi ma kinitx preżenti fil-Qorti waqt li ngħata l-verdett.
Park lanqas kienet preżenti waqt is-smigħ fil-konfront tagħha u akkużat lill-qrati li kienu ppreġudikati kontriha. Qalet li se tkun qed tappella s-sentenza.
L-Imħallef Kim Se-yoon qalet li l-eks President ma wriet l-ebda sinjal li kien iddispjaċiha b’dak li għamlet wara li ħolqot koas sħiħ fil-Korea t’Isfel.
Park instabet ħatja għal 16 mit-18-il akkuża li kienu miġjuba kontriha. Dawn jinvolvu akkużi ta’ tixħim u pressjoni fuq numru ta’ kumpaniji biex jagħtu donazzjonijiet lil waħda mill-ħbieb tagħha.