L-eks-President tal-Korea t’Isfel issa għal 25 sena ħabs

Reuters

Il-Qorti tal-Appell fil-Korea t’Isfel tat sentenza ta’ 25 sena ħabs lill-eks-President Park Geun-hye wara li kienet involuta fi skandlu kbir ta’ korruzzjoni li neħħiha mill-poter fl-2017.

Park kienet l-ewwel mexxejja eletta b’mod demokratiku li tneħħiet mill-poter fil-pajjiż. Il-Qorti Kostituzzjonali ħadet din id-deċiżjoni wara li żewġ mexxejja ta’ konglomerati weħlu wkoll sentenza ta’ ħabs b’rabta mal-istess skandlu.

Il-Qorti ta’ Seoul sabet li Park ftehmet mal-ħabiba tagħha Choi Soon-sil sabiex tirċievi biljuni ta’ won biex tgħin lil familja ta’ Choi tiffinanzja bosta NGOs li bdew huma stess. L-Imħallef sostna li dan it-tip ta’ ftehim bejn persuni ta’ poter ikisser l-bażi tad-demokrazija u jħarbat l-ordni tal-ekonomija.

Il-Qorti mmultat lil Park €15 miljun, ekwivalenti għal 20 biljun won.

Qorti separata kienet tat sentenza ta’ 24 sena ħabs lil Park f’April li għadda. Il-Prosekuturi appellaw kontra din id-deċiżjoni u talbu għal sentenza aktar ħarxa. Min-naħa tagħha Park, li għandha 66 sena u li ilha arrestata mill-31 ta’ Marzu tal-2017 ma appellatx is-sentenza.