L-eks-President tal-Brażil se jinżamm arrestat sakemm tinqatagħlu

L-eks-President tal-Brażil, Luiz Inácio Lula da Silva, se jinżamm arrestat sakemm tinqata’ s-sentenza kontrih minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Quddiem il-Qorti Suprema tal-Brażil, Lula qed jaffaċċja sa 12-il sena ħabs wara li allegatament aċċetta li jixxaħħam.
Hu kien talab li sakemm tinqatagħlu jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda t-talba ġiet irrifjutata.
Iż-żmien li fih Lula qed jiġi akkużat mhuwa xejn opportun, hekk kif f’Ottubru li ġej il-Brażil mistenni jeleġġi president ieħor, u proprju da Silva jinsab fil-quċċata bħala l-aktar wieħed popolari biex jerġa’ jsir president.
Fil-fatt Lula qed jallega li dawn l-akkużi kollha immirati biex jagħmlulu l-bsaten fir-roti għall-kampanja elettorali.
Anki l-partit tiegħu, il-Partit tal-Ħaddiema, qal li llum hi ġurnata kerha għad-demokrazija fil-pajjiż.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema ttieħdet kmieni dalgħodu b’sitt voti favur u ħamsa kontra, wara sessjoni twila immens.
Lula da Silva kien president tal-pajjiż bejn l-2003 u l-2011, u għalkemm is-sondaġġi juru li qiegħed fuq quddiem fil-popolarità, magħruf ukoll bħala figura diviżiva fix-xena politika Brażiljana.
Nhar it-Tlieta mal-20,000 persuna pprotestaw f’ São Paulo jitolbu li Lula da Silva jiġi arrestat immedjatament.
Qed jingħad li Lula ra fuq it-televixin id-deċiżjoni tal-Qorti, waqt li barra minn fejn kien segwaċi tiegħu organizzaw kunċert.