L-eks-President Katalan jiċħad li qed ifittex ażil fil-Belġu

L-eks President Katalan, Carles Puigdemont, ċaħad li hu u ministri oħra Katalni ħallew Spanja biex ifittxu l-ażil politiku fi Brussell, iżda stqarr li telaq minn pajjiżu sabiex ikun jista’ jitkellem b’mod ħieles u sigur.  
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Puigdemont qal li kull uffiċjal reġjonali li ġie mkeċċi mill-Parlament lest li jikkontesta għall-elezzjoni bikrija li sejjaħ il-Gvern f’Madrid għall-21 ta’ Diċembru, u wiegħed li se jirrispettaw ir-riżultat tal-elezzjoni.
Madankollu, huwa appella lill-Gvern ta’ Madrid biex hu wkoll jaċċetta r-riżultat tal-elezzjoni jekk in-nies jiddeċiedu li jagħtu l-maġġoranza lill-partit separatist.  
Fil-fatt, Puigdemont qal li la hu u lanqas il-ministri Katalani l-oħra li qegħdin miegħu fi Brussell mhuma se jmorru lura lejn pajjiżhom qabel ma l-awtoritajiet Spanjoli jiggarantixxu li l-proċess elettorali se jkun wieħed ġust u indipendenti, u li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati.
Huwa temm jgħid li d-deċiżjoni tal-prosekuturi Spanjoli li jiftħu proċeduri kriminali kontrieh u kontra uffiċjali Katalani li jistgħu jwaħħluhom sa 30 sena ħabs hija xhieda tal-aggressjoni tal-awtoritajiet.
L-elezzjoni bikrija ssejħet mill-Gvern ta’ Madrid wara li attwa Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li tah id-dritt li jneħħi l-awtonomija tal-Katalunja, jneżża’ lill-mexxejja Katalni mill-poter u jxolji l-Parlament.