L-eks President Franċiż Valery Giscard d’Estaing imut bil-Covid-19

Exemple : © Claude Truong-Ngoc / Wikimedia Commons

Read in English.

L-eks President Franċiż Valery Giscard d’Estaing, arkitett ewlieni tal-integrazzjoni Ewropea fil-bidu tas-snin 70 miet fl-età ta’ 94 sena wara li marad bil-Covid-19.

Giscard, li mexxa lil pajjiżu mill-1974 sal-1981, riċentement kien l-isptar f’Tours, fil-Punent ta’ Franza, iżda miet fid-dar tal-familja tiegħu fil-qrib wara li sofra kumplikazzjonijiet marbuta mal-virus. Dan qalitu fondazzjoni li kienet twaqqfet minnu u li kien għadu jmexxi sal-aħħar ta’ ħajtu.

Huwa kien iddaħħal l-isptar l-ewwel darba f’Settembru bi problemi fin-nifs u mill-ġdid f’nofs Novembru.

Giscard kien magħruf għall-modernizzazzjoni tas-soċjetà Franċiża matul il-Presidenza, u taħtu l-pajjiż ippermetta d-divorzju u llegalizza l-abort, filwaqt li kien xprun għall-integrazzjoni Ewropea.

Huwa kien elett President ta’ 48 sena wara t-tmexxija twila ta’ Charles de Gaulle, u fittex li jiliberalizza l-ekonomija u l-ħajja soċjali filwaqt li nieda bosta proġetti ewlenin fosthom n-netwerk ferrovjarju b’veloċità għolja, it-TGV.

Madankollu, huwa kien ġie megħlub mis-Soċjalist Francois Mitterrand wara l-kriżi ekonomika globali tas-sebgħinijiet. 

Bosta esponenti politiċi Franċiżi sellmu l-memorja tal-eks President. L-eks President Nicolas Sarkozy qal li Giscard “ħadem ħajtu kollha biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet Ewropej”.

Christophe Casanter, li jmexxi l-partit tal-President Emmanuel Macron fil-Parlament qal li “il-politika moderna u progressiva tiegħu se tħalli legat għal tul ta’ żmien”. Fl-Ewropa, huwa kellu relazzjoni b’saħħitha mal-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent Helmut Schmidt u flimkien nedew il-pedamenti għall-munita waħdanija Ewropea, meta waqqfu s-Sistema Monetarja Ewropea.

L-eks Ministru għall-Ewropa tar-Renju Unit ddeskrivieh fuq Twitter bħala “politiku kbir” li bidel l-Ewropa, filwaqt li Michel Barnier, li jmexxi n-negozjati tal-UE mar-Renju Unit dwar Brexit, fakkar kif għal Valery Giscard d’Estaing, l-Ewropa kellha tkun ambizzjoni Franċiża u Franza nazzjon modern.