L-eks Kummissarju Rizzo ried li John Dalli jitressaq il-Qorti

Waqt ix-xhieda tiegħu fil-każ kontra n-negozjant Silvio Zammit, l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal li ried iressaq quddiem il-Qorti lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.

Sostna  li dan hu każ jaħraq u ħafna mill-pressjoni ġejja mill-mezzi tax-xandir u mill-Parlament.  Ċaħad li tkellem mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi jew xi membru parlamentari ieħor.

Dalli qed jiġi investigat wara li r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF, indika li l-eks Kummissarju Ewropew kien jaf bl-allegat każ ta’ tixħim li Silvio Zammit ried jagħmel biex tkun tista’ tgħaddi direttiva dwar it-tabakk Snus.

L-avukat tad-difiża talab lill-Qorti biex il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jgħid pubblikament x’inhi l-pożizzjoni tal-Korp f’dan il-każ.