L-eks Kummissarju qala’ aktar minn €12,000 f’bonus ta’ ħidma fis-servizz

Read in English.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kellu stejjer kontroversjali fiż-żmien li għamel f’din il-pożizzjoni, iżda dan ma waqqfux milli jaqla’ aktar minn €12,000 f’bonus ta’ ħidma fis-servizz. Dan l-ammont jeskludi kwalunkwe bonus ieħor li seta’ qala’ fl-2019.

Iċ-ċifri ġew imressqa fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri bħala tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Cutajar kien appuntat bħala Kummissarju tal-Pulizija nhar l-ewwel ta’ April tal-2016, u dik is-sena ħa bonus ta’ €2002.95. Il-bonus inħadmet fuq 12% tal-paga tiegħu, fi Skala 2 skont il-gradi tas-salarji tal-Gvern. Paga ta’ sena f’din l-iskala lura fl-2016 kienet tammonta għal €39,938, għalhekk fi żmien ħames xhur li laħaq serva mal-Korp tal-Pulizija dik is-sena, hu qala’ €16,636,67.

Fis-sena ta’ wara, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ddomina l-midja internazzjonali, iżda dan ma kellu l-ebda impatt fuq il-bonus ta’ ħidma fis-servizz li ħa Cutajar dik is-sena. Huwa ħa b’kollox bonus ta’ €4,876.08 fl-2017. Din kienet 12.1% tal-paga tiegħu, li fl-2017 żdiedet għal €40,019 f’konformità mal-iskala tas-salarji tal-Gvern.

Il-bonus kompla jiżdied fl-2018, meta ħa €5,582.52, iġifieri 13.5% tal-paga tiegħu dik is-sena li kienet żdiedet għal €41,352.

Il-bonus ta’ eżekuzzjoni għall-ogħla uffiċjali tal-pulizija tista’ togħla ta’ 15% tas-salajru bażiku li jistgħu jaqilgħu. Dan jissuġġerixxi li l-prestazzjoni ta’ Cutajar mal-Korp ġiet meqjusa bħala waħda aktar sodisfaċenti minn dik tan-norma, anka jekk kien hemm ħafna li kkritikaw kemm lilu kif ukoll lill-Korp tul is-snin li għamel imexxi.

Wieħed għad irid jara jekk il-bonus ta’ Cutajar hux se jitnaqqas b’ħafna għall-2019, speċjalment wara li kemm il-Prim Ministru Robert Abela u Chris Fearne kienu insistew li kellu jitneħħa mill-kariga li għandu wara l-mod ta’ kif żvolġew l-affarijiet. Żviluppi li wasslu biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja. Cutajar irriżenja mill-kariga aktar kmieni dan ix-xahar iżda ġei maħtur bħala konsulent dwar is-sigurtà pubblika u dik loġistika mill-Ministeru għall-Intern fuq kuntratt li ġie rrappurtat se jiswa’ €31,000 fis-sena.