L-eks Kummissarju ħa l-hard drive tax-xogħol; il-Ministru jgħid li “prassi”

Fil-Parlament ġie żvelat kif l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ħa l-ħardrive tal-kompjuter tax-xogħol miegħu meta rriżenja minn Kummissarju f’Jannar li għadda.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma dan fil-Parlament għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Il-Ministru Camilleri qal li din hi prassi tant li l-Kummissarji li kienu jużaw il-kompjuter dejjem ingħataw il-hard drive meta temmew is-servizz.

Filwaqt li qal li ma jaqbilx mal-prassi u jemmen li għandha tinbidel, il-Ministru aċċerta lill-Parlament li l-Korp tal-Pulizija jżomm back-up awtomatiku tal-folders. Ikkonferma wkoll li l-Pulizija żammet back-up inkluż tal-emails tal-eks Kummissarju Cutajar.

Lawrence Cutajar irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija f’Jannar li għadda.

F’Ġunju li għadda, il-Gvern issosspenda u waqqaf il-kuntratt li Cutajar kellu bħala konsulent. Dan minħabba dak li ġie żvelat fil-Qorti fejn il-Maġistrat talbet biex tibda investigazzjoni kriminali kontrih dwar il-possibilità tal-involviment tiegħu li wassal informazzjoni relatata mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjoni li ordnat il-Maġistrat kienet ukoll diskussa fil-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart.
Fuq 103: X’inhuma r-riperkussjonijiet ta’ inkjesta dwar l-aġir ta’ Lawrence Cutajar?