L-eks Kap tas-Servizzi Sigrieti mhux ħati li darab anzjan

Il-Qorti sabet li l-eks Kap tas-Servizzi Sigrieti u eks Assistent Kummissarju, Godfrey Scicluna mhux ħati bi qtil involontarju ta’ Raffaele Lugermo anzjan ta’ 91 sena.

Huwa kien mixli wkoll b’sewqan ħażin u li darab serjament lill-anzjan.

Lugermo kien għamel xi żmien l-isptar fejn miet b’kawża naturali fit-23 ta’ Frar li għadda.

Jirriżulta li fil-jum li seħħ il-każ, f’Ġunju tal-2012, l-anzjan kien qiegħed jaqsam it-triq.

Fil-Qorti, Scicluna spjega kif kien qed jirriversja l-vettura tiegħu fi Triq Santa Monica f’Raħal Ġdid meta sema ħoss.

Meta ħareġ mill-vettura rrealizza li kien hemm raġel mal-art. Xiehda fil-Qorti li kienu preżenti dakinhar tal-każ caħdu li kien hemm xi ħsejjes tal-brejks jew ħoss ta’ xi impatt.

Uffiċjali li nvestigaw il-każ ukoll sostnew li ma kienx hemm sinjali ta’ brejk fit-triq u fuq il-vettura ma kienx hemm sinjali ta’ ħsara.

Il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona sostna li l-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-anjzan kien ħassu ħażin u waqa’ mal-art u mhux kif kien allegat li waqa’ u ndarab b’konsegwenza li kien intlaqat minn Scicluna.