L-eks Interist Stankovic dalwaqt f’Malta

F’konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet kmieni waranofsinhar, l-aġent kap eżekuttiv ta’ SportMalta Dr Chris Bonnett ħabbar li l-plejer ta’ fama internazzjonali Dejan Stankovic ser iżur Malta fl-okkażjoni tal-40 anniversarju minn meta twaqqaf l-Inter Club Malta.
Stankovic, li qatta’ għaxar snin mat-tim Taljan, mistenni jasal Malta nhar il-Ħamis 7 ta’ Ġunju u matul l-istess jum ser ikun preżenti għal sessjonijiet ta’ taħriġ li ħa jinvolvu tfal kemm min-Nursery ta’ Marsaxlokk, kif ukoll minn dik ta’ Sliema Wanderers.
Stephen Azzopardi, id-Direttur Tekniku ta’ Sliema Wanderers li attenda wkoll għal din il-konferenza, sostna li Stankovic għandu jkun ta’ ispirazzjoni għat-tfal tagħna u għandna
nħossuna tassew kburin li eks plejer ta’ livell għoli aċċetta li jiġi fi gżiritna. Preżenti wkoll kien hemm Marcel Mercieca, il-President ta’ Inter Club Malta, li saħaq li dan il-klabb huwa l-ikbar wieħed f’Malta meta tqis n-numru tal-membri u l-attivitajiet regolari li jsiru kull xahar.
Hu żied jgħid li jinsab tassew kburi biż-żjara ta’ Stankovic u fakkar lill-membri tal-pubbliku li għad fadal xi postijiet għall-ikla li se tiġi organizzata l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fis 19:30 u li matulha l-partitarji Interisti ħa jkollhom iċ-ċans li jaraw mill-viċin lill-eks midfielder ta’ Inter, Lazio u Red Star Belgrade. Kull min hu interessat li jattendi għal din l-ikla għandu jkellem lill-membri tal-kumitat ta’ Inter Club Malta jew iżur l-paġna ta’ Facebook tal-istess klabb.