L-eks-Editur ta’ L-Orizzont mistenni jitfa’ n-nomina għal MEP

L-eks-Editur tal-ġurnal L-Orizzont, Josef Caruana, mistenni jikkontesta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla.
Il-ġurnal tal-lum qed jirrapporta li Caruana jixtieq “inaddaf isem Malta”, u għalhekk imħajjar jitfa’ n-nomina tiegħu.
F’Lulju li għadda Caruana daħal jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja biex jieħu ħsieb il-mistoqsijiet parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u wara rriżenja minn L-Orizzont.
Mal-ġurnal, Caruana qal li l-Maltin u l-Għawdxin ma jixirqilhom, fi kliemu, “jiġu mżebilħin minn dawk minn fostna li flok jirrappreżentaw lil pajjiżhom, jippruvaw iħammru wiċċ il-poplu akkost ta’ kollox”.
Meta kien għadu editur tal-ġurnal, kemm il-Prim Ministru, Joseph Muscat, kif ukoll il-General Workers’ Union, li tippubblika l-istess ġurnal, kienu ddistakkaw ruħhom mill-editorjali li kien jikteb Caruana kontra l-Knisja u l-mexxejja tagħha.