L-eks-Direttur tal-ITS Henry Mifsud jirritorna bħala lecturer

Reġa’ lura fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, Henry Mifsud, li f’Marzu li għadda ssospenda lilu nnifsu minn Direttur Eżekuttiv tal-ITS, minħabba allegati irregolaritajiet fit-tmexxija tiegħu.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal dan fil-Parlament bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Antoine Borg.
Spjega kif wara li fit-18 ta’ Mejju tefa’ r-riżenja tiegħu minn Direttur Eżekuttiv, li ġiet aċċettata minnufih mill-Ministeru, Mifsud reġa’ qed jokkupa l-kariga li kellu qabel, dik ta’ lecturer fl-ITS stess.
Dwar ir-rapport tal-investigazzjoni li saret dwar l-allegazzjonijiet dwar Henry Mifsud, il-Ministru qal li dan ġie konkluż imma ma jistax jiġi ppubblikat.  Spjega li minkejja li l-Ministeru xtaq jippubblika r-rapport, dan ma setax isir minħabba projbizzjoni legali.
Zammit Lewis qal li fost l-oħrajn ir-rapport isemmi nuqqasijiet fl-ITS, li kienu ilhom hemm għal snin sħaħ, u li l-maniġment il-ġdid qed jindirizzahom fuq direzzjoni diretta minnu.
Fost l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Henry Mifsud, kien hemm li l-koki kienu qed jintalbu jħejju ikel, biex jitqassam waqt riċevimenti privati organizzati minn Mifsud innifsu.
Kien ġie allegat ukoll li Henry Mifsud ta struzzjonijiet biex festin tal-Milied għall-impjegati jsir f’lukanda qrib l-ITS, li l-Maniġer Ġenerali tagħha hu ibnu stess.
Bħalissa, id-Direttur Eżekuttiv tal-ITS hu Pierre Fenech.