L-eks Deputat Sindku tax-Xgħajra meħlus mill-akkużi kontrih

Facebook - Neil Attard

L-eks Deputat Sindku tax-Xgħajra Neil Attard ġie lliberat mill-akkuża li kien qed jagħti fastidju lill-eks tfajla tiegħu.

It-tfajla kienet allegat li Attard kien bagħat sensiela ta’ messaġġi minn profili foloz fuq Facebook wara li nfirdu. L-allegat vittma u l-prosekuzzjoni għamlu referenza għal telefonati li allegatament għamel l-akkużat. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li t-telefonati kienu s-suġġett ta’ każ ieħor fil-Qorti u qalet li ma kienx hemm l-evidenza relevanti.

Il-Qorti qalet ukoll li ma kienx hemm biżżejjed evidenza b’rabta mal-allegazzjoni li Attard kien qed isegwi lill-eks tfajla tiegħu. Dan għaliex l-allegata vittma rreferiet biss għall-messaġġi.

Il-każ tal-prosekuzzjoni kien ibbażat ukoll fuq informazzjoni miġbura minn Facebook mis-CyberCrime Unit. Madanakollu, għall-Qorti din l-informazzjoni miġbura minn Facebook ma kienetx ammissibbli. Kien hemm bżonn ix-xhieda ta’ rappreżentant tal-kumpanija jew inkella ittra legali. Il-Qorti qalet li setgħetx toqgħod fuq ix-xhieda ta’ żewġ pulizija li spjegaw x’irċivew minn Facebook. Il-Qorti qalet ukoll li l-ammissjoni li l-akkużat għamel li kien ħoloq il-profili foloz ma kienetx evidenza soda biżżejjed.

Peress li ma nstabet l-ebda evidenza fil-konfront tiegħu l-eks Deputat Sindku tax-Xgħajra nħeles mill-akkużi.