L-eks deputat mexxej Anglu Farrugia mhux mistenni jirritorna fix-xena politika

L-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista Anglu Farrugia m’huwiex mistenni jirritorna fix-xena politika lanqas jekk tinbidel l-amministrazzjoni preżenti tal-Partit Laburista. Dan sostnieh Anglu Farrugia f’intervista mal-ġurnal ‘The Sunday Times’ fejn żvela wkoll li numru ta’ kuntratturi u negozjanti qed ikunu viċin il-Partit Laburista u meta kien hu deputat mexxej, ma kienx iħossu komdu viċin tagħhom.

Fl-istess intervista, Anglu Farrugia allega li f’Settembru li għadda, kien ma’ delegazzjoni barra minn xtutna u qalulu li hu ma kienx se jkun deputat Prim Ministru jekk il-Partit Laburista kien se jkun elett fil-Gvern.

L-eks deputat mexxej żied jgħid li hu tħalla barra mid-deċizzjonijiet u ma kienx infurmat dwar il-programm elettorali u dan minkejja li kellu jattendi għad-dibattitu fil-programm ‘Xarabank’ mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Filwaqt li Anglu Farrugia saħaq li hu dejjem kien onest u serju tul il-karriera politika tiegħu, hu żied jgħid li d-deċizzjoni biex jirriżenja waslitu biex jifhem li xi persuni mhux dejjem jieħdu deċizzjonijiet onesti.