Aġġornata: L-eks Chairman tal-Enemalta Alex Tranter quddiem il-PAC

L-eks Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, Alex Tranter xehed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.

Preżenti kien hemm ukoll l-Awditur Ġeneral u rappreżentanti oħra mill-Uffiċċju tiegħu. 

Il-Kumitat qiegħed jistħarreġ fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

Alex Tranter sostna li huwa qatt ma ġie avviċinat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u lanqas mill-Enemalta fid-dawl tar-rapport.

Tranter qara stqarrija li bagħat lill-Awditur Ġenerali. 

Huwa kkonferma li l-Kumitat għax-Xiri taż-Żejt kien jirċievi l-offerti b’imejl u spjega l-proċess tal-għażla.

Qal ukoll li l-konklużjonijiet tal-għażla kienu unanimi fost il-membri tal-Kumitat. 

Tranter sostna li qatt ma kienet il-proċedura li l-Enemalta tippubblika d-dettalji tal-għażla minħabba l-element kummerċjali.

Qal li jidhirlu li hekk għadu jsir fl-Enemalta. 

Alex Tranter saħaq li meta wieħed jikkunsidra kollox il-Kumitat għax-Xiri taż-Żejt irnexxilu jassigura l-aħjar għażla. 

Ic-Chairman tal-PAC, Jason Azzopardi staqsa fuq l-istqarrija li saret minn membru tal-Kumitat li l-għażla kienet issir miċ-Chairman.

Alex Tranter qal li dan qatt ma kien dominju taċ-Chairman imma l-għażla kienet issir mill-membri kollha. 

Azzopardi ikkwota r-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward tar-‘record keeping’ u ż-żamma tal-minuti li skont ir-rapport kienu tħażżiż.

Hawnhekk Alex Tranter qal li dawk li huma annessi mar-rapport mhux minuti tal-laqgħat tal-Kumitat u jekk xi ħadd qed jgħid li kienu minuti huwa imbarazzanti. 

Sostna li dawk kienu notamenti tas-CFO. 

Jason Azzopardi staqsa jekk kienx hemm xi membru tal-Kumitat li lmenta fuq il-mod kif dan il-kumitat kien jitmexxa.

L-eks Chairman qal li ħadd ma kien avviċinah b’dan l-ilment. 

Tranter qal li d-dettalji ma kienux jiġu ppubblikati għaliex inkella min irid jitfa’ l-offerti joqgħod jipprepara għat-tender li jmiss.

Għalhekk sostna dawn kienu id-dettalji kienu sensittivi. 

L-eks Chairman qal li sar rapport qabel l-elezzjoni ġenerali li ma sarx referenza għalih mill-Awditur Ġenerali, fi kliem dan ir-rapport jagħti stampa ċara tal-operat tal-Enemalta.

L-Awditur Ġenerali resaq mal-mejda tal-PAC u qal li qabel l-2008 l-OPM kien talab lill-Ministeri u l-entitajiet kollha biex iressqu rapport tal-operat tagħhom. 

Tranter qal li dan ir-rapport tpoġġa wkoll fuq il-mejda tal-Parlament.  

Dwar l-indħil tal-Gvern fl-Enemalta, Beppe Fenech Adami staqsa jekk din kinitx meta l-Enemalta xtaqet li jiġu appuntati xi konsulenti u l-Gvern kien qal le.

Matul ix-xiehda tiegħu, Alex Tranter saħaq li fl-Enemalta kien hemm qafas ta' proċedura mhix kif qed jingħata l-impressjoni. 

Tranter qal li l-offerti li l-Enemalta kienet tirċievi hija informazzjoni ta' natura kummerċjali u sensittiva, u għalhekk ma kienu jinżammu l-ebda minuti.

Owen Bonnici insista li minħabba nuqqas ta' rekords, il-membri tal-PAC ma kellhom xejn biex jikkonfermaw dak li kien qed jgħid Tranter. Minn naħa tiegħu, Luciano Busuttil qal li kellhom jittieħdu minuti. Madanakollu Tranter irrisponda li l-użu tal-minuti ma teliminax il-korruzzjoni. Saħaq li l-minuti ma kienux jinżammu għax dik kienet il-prattika li wiret. 

Bonniċi sostna li kieku l-amministrazzjoni Nazzjonalista marret għall-gass minflok għal heavy fuel oil, Malta ma kinitx tgħaddi minn kriżi. Dwar dan Tranter qal li huwa kburi li kien iċ-chairman li introduċa pjan fit-tul u ddikjara li fl-2007 u l-2008, meta faqqgħet il-kriżi, kien impossibbli li naqilbu għall-gass.

Is-smiegħ ta' Alex Tranter spiċċa għal ħabta tat-8.30pm.

Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi se tkun tt-Tnejn 16 ta’ Settembru.