Awdjo: L-eks Chairman tal-Gozo Channel ‘għadu fit-tmexxija’

Huwa mifhum li l-Eks Chairman tal-Gozo Channel, Dr Joseph Grech għadu jagħti struzzjonijiet lill-ħaddiema tal-kumpanija. 

Wara li rriżenja minn kariga ta’ Chairman tal-Gozo Channel fl-aħħar tal-2011, meta allegatament ordna l-vapur jidħol lura l-port għax kien se jasal tard, huwa mifhum li Dr Joseph Grech għadu jagħti struzzjonijiet lill-ħaddiema tal-kumpanija.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu kif it-Tnejn 23 ta’ Settembru li għadda, waqt li kienu qed jistennew il-kju, Dr Joseph Grech deher fil-marshalling area tal-Imġarr imexxi l-kju u jagħti struzzjonijiet lill-ħaddiema.

Dan wara li kien inġemgħa kju mhux ħażin hekk kif il-vjaġġ tas-6am inħadem bl-MV Gaudos, li m’għandux rampi bħall-vapuri l-oħrajn. Dan fid-dawl tal-fatt li t-Tnejn filgħodu kmieni jkunu bosta dawk l-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu għax-xogħol.  Dakinhar l-MV Malita kellu xi ħsarat.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li dan kien riżultat ta’ deċiżjoni żbaljata minn naħa tal-Gozo Channel. Dan minħabba li l-MV Ta’ Pinu, li wkoll għandu r-rampi, ħadem il-vjaġġ tal-5am meta jkun hemm ftit vetturi, u li kieku dan il-vapur ħadem il-vjaġġ tas-6am ma kienx ikun hemm dik il-problema ta’ kju.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo kkonferma li Dr Joseph Grech huwa biss konsulent tal-Ministeru dwar il-Gozo Channel. 

Il-Ministru Refalo qal ukoll li mhuwiex konxju li Dr Grech qed jagħti xi struzzjonijiet lill-impjegati tal-kumpanija. 

Żied jgħid li dak huwa konsulent tiegħu u li l-pariri jrid jagħtihom lill-Ministeru għal Għawdex, bl-esperjenza li għandu bħala eks Chairman tal-kumpanija.

Mistoqsijiet mibgħuta lill-eks Chairman għadhom ma ġewx imwieġba.