L-eks-CEO tal-MIA irrifjuta €400,000 għar-riżenja mill-kariga tiegħu

Quddiem tribunal industrijali, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta, Markus Klaushofer qal li l-allegazzjoni li hu kien xerred informazzjoni sensittiva kienet attentat biex ittappan ir-reputazzjoni tiegħu.  
Huwa ċaħad li qatt xerred din l-informazzjoni sensittiva u qed jisħaq li t-tkeċċija tiegħu mill-MIA ma kinetx ġusta.
Minflok, huwa qed jinsisti li hu rażżan it-tixrid ta’ informazzjoni sensittiva bejn l-MIA u l-Ajruport ta’ Vjenna għax, skont hu, il-komunikazzjoni bdiet issir minn wara dar il-Gvern Malti.
Huwa irrakkonta kif f’Jannar, attenda laqħga flimkien ma’ Nikolaus Gretzmacher u l-predeċessur tiegħu Julian Jaeger li huma żewġ rappreżentanti tal-ajruport ta’ Vjenna.
Jaeger kien irrefera għall-atmosfera bejn Klaushofer u ċ-Ċermen tal-kumpanija u qallu li aħjar li kieku jirreżenja. Klaushofer insista li kemm ilu hemm hu, l-ajruport ġab riżultati mill-aqwa.
Wara li nqrat imejl interna, Jaeger offra €400,000 għat-tluq ta’ Klaushofer mill-kumpanija fuq il-kundizzjoni li qatt ma jersaq il-Qorti minħabba din it-tkeċċija. Klaushofer irrifjuta għax ħass li din kienet forma ta’ thedida.
Ftit minuti wara, f’lagħqa separata, is-sur Gretzmacher ħabbar li Klaushofer se jitneħħa mill-kariga ta’ CEO. Huwa kellu salarju ta’ €147,000 fis-sena.