L-eks avukat Patrick Spiteri jingħata permess speċjali biex isiefer fuq xogħol

Patrick Spiteri li kienet tneħħietlu l-warrant ta’ avukat, ingħatalu permess speċjali biex isiefer fuq xogħol wara li rċieva offerta. L-eks avukat tat-taxxa li għandu 55 sena qal lill-qorti li r-reputazzjoni tiegħu f’Malta ġiet imħammġa tant li ma jistax jaħdem u għalhekk din l-offerta mill-Ingilterra kienet l-unika opportunità għalih li jsib xogħol.

Fid-digriet, il-Maġistrat laqgħet it-talba ta’ Spiteri iżda tagħtu permess biss li jsiefer għal ħamest ijiem fit-tielet ġimgħa tax-xahar. Hi ordnatlu jipprovdi l-itinerarju tal-ivvjaġġar kmieni qabel ma jsiefer u jinforma lill-pulizija meta jasal lura Malta.

Il-Maġistrat qalet li l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, inkluż l-€40,000 garanzija personali se jibqgħu fis-seħħ. Hi qalet li fil-jiem li jkun barra minn Malta m’għandux għaliex jiffirma l-għassa minħabba li dan se jkun impossibbli. Hu ġiet ordnat ukoll jiddepożita €7,000 kull darba li jkun se jsiefer. Dawn għandhom jerġgħu jingħatawlu lura meta jirritorna Malta.

Spiteri kien ġie arrestat f’Surrey lura fl-2014. Hu kien estradit lejn Malta biex jidher quddiem il-qorti dwar frodi u akkużi ta’ approprjazzjoni bla dritt ta’ madwar €7.4 miljun.

Wara li ħarab mill-ġustizzja, reġa kien estradit lejn Malta fl-2017 wara li nħarġu seba’ mandati ta’ Arrest Ewropew kontrih. Hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda ġie ordnat ma joħroġx mid-dar.

AQRA: Jitlob li jitħalla jaħdem barra minn Malta wara li tneħħielu l-warrant