“L-ekonomija Maltija saret pilastru stabbli fl-UE” – l-eks PM Taljan

L-eks Prim Ministru Taljan Mario Monti qal li l-ekonomija Maltija saret pilastru stabbli fl-Unjoni Ewropea.
Waqt konferenza organizzata minn ‘The Economist’ u l-Gvern Malti, Mario Monti qal li jisfida l-perċezzjoni li l-kriżi ekonomika bdiet min-nofsinhar tal-Ewropa. Sostna li kienu l-Ġermanja u Franza flimkien mal-Italja li fl-2003 ikkawżaw il-kriżi, meta kissru l-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir. Żied jgħid li l-problemi fil-Greċja kienu wkoll kawża ta’ dan.
L-eks Prim Ministru Taljan qal ukoll li l-Eurostat għandha jkollha l-poter li tevalwa l-finanzi tal-istati membri.
Ilbieraħ tkellem ukoll l-eks Kummissarju Ewropew Peter Mandelson li saħaq li l-ewroxettiċiżmu mhuwiex biss inkwetanti fir-Renju Unit. Żied jgħid li jekk il-partiti ewroxettiċi jmorru tajjeb fl-elezzjonijiet Ewropej, se jkun qed jintbagħat messaġġ f’saħħtu ta’ diżapprovazzjoni dwar id-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea.
Sar intervent ukoll mill-President tal-Parlament Ewropew Martin Shultz li tkellem dwar l-importanza li jkunu indirizzati problemi Ewropej, fosthom il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-immigrazzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Viċi Prim Ministru Louis Grech appella kontra l-awsterità bħala miżura li biha tkun solvuta kriżi u fakkar li jekk ma jkunx hemm tama, l-awsterità ma’ tista’ taħdem qatt.
Il-konferenza qed tkompli llum. 

Ritratt: DOI – Omar Camilleri