L-ekonomija Maltija mistennija tiċkien b’6% fl-2020 – KE

Miguela Xuereb

Skont rapport maħruġ mill-Kummisjoni Ewropea (KE), l-ekonomija Maltija hija mistennija tiċkein b’6% fl-2020, riżultat tal-effetti li l-COVID-19 kellu fuq il-pajjiż.

Fit-Tbassir Ekonomiku Ewropew tas-Sajf 2020, il-KE analizzat li wara diversi snin ta’ tkabbir prinċipalment mid-domanda domestika, l-ekonomija Maltija mistennija tinbidel minn tkabbir ta’ 7.3% fl-2018 u 4.7% fl-2019 għal 6% fl-2020.

Ir-rapport iddeskriva li Malta se tkun affettwata b’mod sinifikanti mill-pandemija l-aktar minħabba l-impatt fuq is-setttur turistiku, kif ukoll minħabba r-restrizzjonijiet u tfixkil ta’ kummerċ internazzjonali. Bħala riżultat, investiment u l-esportazzjonijiet huma mistennija li jintlaqtu serjament, kif ukoll konsum privat. Il-pakketti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern, madankollu, għandu jgħin biex itaffi l-livell tal-impatt ekonomiku

It-tnaqqis fi-restrizzjonijiet mistenni jerġa’ jattiva d-domanda interna, billi jimbotta l-ekonomija għal tkabbir ta’ 6¼% fl-2021. L-inflazzjoni hija mistennija li tonqos għal 0.8% fl-2020 u tibqa’ relattivament baxxa b’rata ta’ 1.2% fl-2021.

It-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2020 jipprevedi li l-ekonomija taż-Żona tal-Euro se tiċkien bi 8.7% fl-2020 u tikber b’6.1% fl-2021.

“Il-KE qed tara li l-mutur ewlieni huwa sostnut mill-pakketti ta’ rkupru tal-Gvern”

Il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji jilqa’ t-tbassir ekonomiku tas-Sajf 2020 ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Ministeru sostna li Malta hija mistennija tirreġistra l-inqas tkabbir ekonomiku negattiv fiż-Żona Ewro għal din is-sena, u fir-rigward tas-sena d-dieħla, ir-rata ta’ tkabbir hija mistennija tkun ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro.

Il-Ministru Edward Scicluna qal, “B’sodisfazzjon ninnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tara li l-mutur ewlieni ta’ rkupru ġej mill-investiment, sostnut mill-pakketti ta’ rkupru mħabbra mill-Gvern.”

Ir-rapport sħiħ jista’ jiġi aċċessat hawn.