L-ekonomija Maltija mbassra li tkun fost l-aktar 3 fl-UE li jirpiljaw

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li l-ekonomija Maltija tikber b’rata ta’ 6% fl-2021, wara li naqset b’5.8% din is-sena. Ir-rata ta’ tkabbir negattiv ta’ Malta din is-sena mistennija tkun it-tielet l-inqas baxxa fiż-Żona tal-Ewro.

Dan it-tbassir ekonomiku, magħruf bħala t-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa, inħareġ mill-Kummissjoni Ewropea.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern jilqa’ dan it-tbassir ekonomiku li jaqbel ma’ dak li bassar il-Gvern għat-tkabbir ekonomiku fl-2020, sabiex jirkupra mid-daqqa li ħa bil-coronavirus din is-sena.

Fl-2019, il-qgħad laħaq rekord ta’ kemm kien baxx. Madankollu, ir-rata tal-qgħad fiż-Żona tal-Ewro hija mbassra li tiżdied minn 7.5% fl-2019 għal 9.5% fl-2020, qabel terġa’ tinżel għal 8.5% fl-2021. Fl-UE r-rata tal-qgħad hija mbassra li tiżdied minn 6.7% fl-2019 għal 9% fl-2020 u mbagħad tinżel għal madwar 8% fl-2021.

Malta mistennija li jkollha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona tal-Ewro, b’5.9% din is-sena, li tonqos għal 4.4% fl-2021. Ir-rata tal-inflazzjoni mistennija taqa’ taħt il-1% din is-sena u tibqa’ qrib dan in-numru s-sena d-dieħla.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn