L-ekonomija ma tistax tieħu pawża – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ekonomija Maltija ma tistax tieħu pawża u s-sostenibilità ma tfissirx li jitnaqqas ir-ritmu tal-progress.
Waqt attività organizzata mill-Partit Laburista għall-imsieħba soċjali f’lukanda f’Tas-Sliema, Dr Muscat semma bħala eżempju s-settur tal-enerġija. Fi kliemu kien hemm bżonn li l-Gvern ma jiqafx bl-iżvilupp għax kieku l-pajjiż kien ikun għadu ma rkuprax.
Spjega li jinsab ċert li kieku l-pajjiż kien għaddej minn tnaqqis fir-rittmu ekonomiku, ħadd ma jgħid li jkun sostenibbli iżda jkun hemm tħassib dwar it-tnaqqis.  
Joseph Muscat qal li l-Gvern implimenta aktar tibdiliet fl-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura meta mqabbel ma’ dawk tal-leġiżlatura li għaddiet.
Appella biex l-imsieħba soċjali javviċinaw lil dawk li jħossuhom maqtugħin minn dan l-iżvilupp biex huma wkoll jipparteċipaw fid-diskussjonijiet nazzjonali.
F’reazzjoni għal dak li qal Alex Torpiano mill-Kamra tal-Periti li fi kliemu ma jidhirx li qed tiddiskuti l-futur iżda hi limitata li toħroġ il-permessi tal-bini biss, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jissimplifika bosta entitajiet involuti fil-kostruzzjoni.