“L-ekonomija jaf tbatti minħabba l-inċertezza politika” – Bank Ċentrali

Read in English.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li l-inċertezza politika ta’ dan l-aħħar x’aktarx li żżid mar-riskji li joħorġu mix-xenarju estern għall-futur tal-ekonomija ta’ Malta. Fi stqarrija, spjega li dan jaffettwa speċjalment fl-immedjat.

Bħalissa, ir-riskji għall-finanzi pubbliċi jxaqilbu ’l fuq, iżda mbagħad, speċjalment fl-2020, ixaqilbu ’l isfel jekk ir-riskji fid-domanda domestika jimmaterjalizzaw u jekk tibqa’ l-inċertezza politika.

Minkejja dan, ħabbar li qed jistenna li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ mgħaġġel matul is-snin li ġejjin. Fi stqarrija, il-bank spjega li t-tkabbir ekonomiku se jkun f’medja ta’ 4.1% bejn l-2019 u l-2022.  It-tkabbir fil-konsum privat u fl-infiq tal-gvern hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu, filwaqt li l-investiment hu mistenni li jirkupra mit-tnaqqis irreġistrat fl-2018.

Is-suq tax-xogħol hu mistenni li jibqa’ f’livelli stretti, bir-rata tal-qgħad imbassra li tkun 3.8% sal-2022. L-inflazzjoni annwali hi mistennija li tbatti bi ftit fl-2019, qabel ma titla’ għal 1.9% sal-2022. Dan minħabba tkabbir aktar b’saħħtu fil-prezzijiet tas-servizzi u tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija.

Il-bilanċ tal-gvern hu mistenni li jibqa’ pożittiv matul is-snin li ġejjin. Infatti, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG mistenni li jinżel għal ftit aktar minn 35% fl-2022.

Apparti, il-Bank aġġorna l-istimi tiegħu tal-impatt potenzjali ta’ Brexit fuq l-ekonomija Maltija. Hemm żewġ xenarji:

  1.  Wieħed fejn ir-Renju Unit ikollu aċċess għal ftehim ta’ kummerċ ħieles jew ftehim simili għal tal-Unjoni Ewropea (UE)
  2. Xenarju ieħor fejn il-kummerċ jaqa’ għar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) wara negozjati bla success.

Il-Bank jistma li l-PDG ta’ Malta jista’ jonqos b’rata ta’ bejn 0.19% u 0.39% bejn l-2019 u l-2021 minħabba Brexit.