​“L-ekonomija Ewropea mhix tiċċaqlaq” – Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Alfred Sant sostna li qabel l-ekonomija taż-żona Ewro tibda tiċċaqlaq, din mhux se timxi ‘l quddiem.
Qal li l-ekonomija Ewropea mhix qed tikber minkejja d-dikjarazzjonijiet kuntrarji tal-Kummissjoni Ewropea.
Dr Sant huwa r-Rapporteur għall-Grupp tas-Soċjal Demokratiċi fl-ECON li huwa l-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew.
Fl-intervent tiegħu, Alfred Sant irrefera fost l-orajn għat-tisħiħ fiskali. Kompla jgħid li fir-realtà, l-ekonomija taż-żona ewro qed topera fuq żvalutar intern li qal huwa perikoluż mil-lat politiku, soċjali u ekonomiku. Hawnhekk qal li mhux qed ikun hemm qbil meta jiġu interpretati ċ-ċifri tal-andament ekonomiku tal-Ewropa.
Saħaq li trid issir analiżi politika għax inkella “l-Ewropa se taqa’ f’nassa li thedded il-koeżjoni soċjali.”
Huwa staqsa jekk l-Unjoni Ewropea hijiex qiegħda fit-triq it-tajba fejn tidħol l-ekonomija, partikolarment jekk wieħed iħares lejn dak li ġara fl-ekonomija taż-żona Ewro fl-aħħar 4 snin.