L-ekoloġija u l-qassisin miżżewġa mqajma fl-ewwel jum tas-Sinodu

Il-Papa Franġisku jipparteċipa fil-purċissjoni li fetħet is-Sinodu fil-Vatikan nhar it-Tnejn. (Credit: Claudio Peri/ANSA via AP.)

Fl-ewwel jum tas-Sinodu dwar l-Amazonia li qed isir fil-Vatikan, fost it-temi diskussi issemmew il-qassisin miżżewġa, l-ekoloġija u temi oħra.

Stqarrija tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan tgħid li t-tibdil fil-klima u ż-żjut li jħammġu l-ambjent ukoll kienu diskussi minn madwar 300 parteċipant li qed jieħdu sehem fosthom 184 Isqof, l-aktar mill-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel li jagħmlu parti mill-foresta tal-Amazonia.

Intqal li “il-klima hi ta’ ġid globali, ġid li rridu nieħdu ħsiebu u nippreservawħ għall-ġenerazzjonijiet futuri”.  Kien suġġerit ukoll li għandu jieqaf l-użu ta’ żjut ġejjin mill-fossili, l-aktar fil-pajjiżi l-aktar industrjalizzati li huma l-aktar pajjiżi responsabbli għat-tniġġiż tal-ambjent.

Protezzjoni għall-ilma

L-istqarrija tal-Vatikan semmiet ukoll li l-protezzjoni tal-provvista tal-ilma fir-reġjun tal-Amazonia kienet ukoll fost it-temi diskussi u ntwera tħassib kbir dwar dan. Fil-fatt sar appell biex ikun protett l-ilma ta’ gallerija taħt l-art minn kontaminazzjoni kimika li hi riżultat tal-ħidma tal-kumpanniji multinazzjonali, għax dan l-ilma hu indispensabbli għall-ħajja tal-popli indiġeni.

Kienu ħafna l-Isqfijiet li fakkru fil-bżonn li jkunu rispettati d-drittijiet umani u ambjentali għax ekoloġija integrali vera titlob li jkun hemm bilanċ bejn il-bniedem u n-natura.

Uħud fis-Sinodu semmew l-eżempju tat-tfajla Svediża Greta Tunberg u l-Mixjiet miż-Żgħażagħ u Studenti favur il-klima, bħala eżempju ta’ impenn soċjali miż-żgħażagħ li kapaċi jimbuttaw lill-Knisja biex tkun profetika f’dan il-qasam.

Dwar il-kwestjoni tal-qassisin miżżewġa, speċifikament il-proposta li rġiel miżżewġa li taw xiehda tajba jkunu ordnati saċerdoti għal komunitajiet iżolati fl-Amazonia, jidher li kien hemm min hu favur u oħrajn li appellaw għall-kawtela.

Il-‘viri probati’ kif jissejħu dawn il-qassisin hi kwestjoni ta’ ħtieġa leġittima iżda ma għandhiex twassal biex tibdel in-natura tas-saċerdozju u ċ-ċelibat marbut ma’ dan il-Ministeru kif titlob il-liġi tal-Knisja.

Rispett għall-kulturi indiġeni

Waħda mill-ideat li ħarġu fl-ewwel jum tas-Sinodu kien il-bżonn li jintwera rispett u apprezzament għall-kulturi indiġeni.  Kien hemm min qal li għandha tinħoloq forma tal-Quddiesa Kattolika għall-Amazonia li tkun imżewqa xi drawwiet u espressjonijiet indiġeni.

Fil-laqgħa kien enfasizzat li hekk kif hemm ekosistema ekoloġika hemm ukoll ekosistema ekklesjastika”, intqal fl-istqarrija.

Fid-diskors tiegħu l-Papa Franġisku tkellem fit-tul biex iħeġġeġ lill-parteċipanti fis-Sinodu biex jevitaw “ideoloġiji” li ma jirrispettawx il-kulturi u reliġjożità tal-popli indiġeni. Qal li fil-jum ta’ qabel sema’ lil xi ħadd igerger għax raġel mill-post kien liebes kappella b’rix ikkulurit waqt li kien fil-Vatikan.

Papa Franġisku staqsa “X’inhi d-differenza bejn dak il-kappell u l-kappell triangolari li jilbsu l-kardinali”?

Hu x’inhu t-tħassib li s-Sinodu qed iqajjem fost xi kritiċi, jidher li dan mhux jinkwieta lill-Papa li m’hu jitlef ebda opportunità biex ipoġġi l-Amazonia u l-popli tagħha taħt ir-rifletturi tad-dinja.