“L-Egrant tal-PL?” – Battibekk jaħraq fil-Parlament

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fil-Parlament staqsa jekk il-kumpanija Egrant fil-Panama hix tal-Partit Laburista.  Huwa staqsa dan waqt id-diskors tiegħu hekk kif fil-Parlament jiġu diskussi l-Estimi tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.

Dan qajjem reazzjoni mid-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi li waqt id-diskors tiegħu qal li dak li aċċenna għalih Agius hija gidba riċiklata u li hija tal-mistħija li jsiru dawn l-allegazzjonijiet.  Minn hawnhekk ingħata bidu għal botta u risposta miż-żewġ deputati, b’David Agius jagħmel numru ta’ point of orders. Dak il-ħin il-Kamra tar-Rappreżentanti kienet qed titmexxa mid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield.

David Agius beda billi talab lil Zrinzo Azzopardi jirtira kliemu u stqarr li hu staqsa minħabba li fi kliemu, il-Partit Laburista qatt ma ċaħad li Egrant hija tiegħu. Waqt li kien qed jindirizza lill-President tas-Sedja, Agius insista li hu jaf eżatt x’qal u offra li jinstema’ r-rikording ta’ kliemu.

Min-naħa tiegħu Zrinzo Azzopardi sostna li kien jaf f’liema sens tkellem Agius, u li hu skorrett li jmur fil-Parlament u jgħid dak li qal.  Agius irribatta li d-Deputat Laburista kien qed jattribwixxi kliem li hu ma qalx, u li jekk ma tiġix irtirata se jitlob ruling.

Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din kienet impekkata min-naħa ta’ Agius, u li din hi żbaljata. Agius kompla jirrepeti li hu għamel mistoqsija: “Xi ħadd jista’ jikkonfermali, iva jew le, jekk Egrant hix tal-Pl?”  Id-Deputat Laburista wieġeb li kien hemm diġà risposta għall-mistoqsija ta’ Agius, li “mhux minnu”.

F’Lulju li għadda, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali u mhux ir-rapport sħiħ, tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama. Fir-rapport tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien qal li ma hemm xejn li jorbot lil Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, mal-kumpanija Egrant. Madanakollu ma ntqalx ta’ min hi din il-kumpanija.