L-Eġittu illegalizza aktar minn elf knisja li nbnew illegalment

Insara fl-Eġittu jistgħu jmorru fi knejjes bla biża' li jitkeċċew

F’temp ta’ ftit ġranet, il-Gvern Eġizzjan illegalizza 88 knisja Kattolika li kienu nbnew mingħajr il-permssi meħtieġa.

Madwar tliet snin ilu l-Parlamenta Eġizzjan kien għadda liġi dwar il-bini u l-amministrazzjoni ta’ postijiet tat-talb. Instabu 1109 knisja tal-insara u binjiet oħra tal-Knisja li ma nbnewx bil-permessi meħtieġa u għalhekk inħatar kumitat “ad hoc” biex jillegalizzahom.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li fl-aħħar jiem, 88 knisja Kopta kienu legalizzati.    .

Digriet Presidenzjali

Ħafna minn dawn il-knejjes u binjiet oħra inbnew qabel ma kellhom il-permessi meħtieġa.  Liġi Eġizzjana tal-1934 kienet għamlet għaxar regoli marbuta mal-bini tal-knejjes li fost oħrajn kienu jipprojbixxu l-knejjes jinbnew qrib skejjel, bini tal-gvern, linji tal-ferrovija, xmajjar u nħawi residenzjali.

Permessi għall-bini ta’ knejjes ġodda kienu jinħarġu biss b’digriet mill-President tal-pajjiż.

Fil-prattika meta l-liġi tkun infurzata b’mod riġidu, ma kinitex tħalli jinbnew postijiet tat-talb fil-postijiet fejn kienu jgħixu l-insara, partikolarment f’żoni fit-Tramuntana tal-Eġittu.

Il-Komunitajiet Insara lokali ħafna drabi kienu jinjoraw din il-liġi tal-1934 u kienu jaqbdu u jibnu knejjes mingħajr l-awtoriżazzjoni tal-Gvern.

Gruppi Islamiċi, kultant kienu jużaw il-knejjes mibnija llegalment bħala skuża biex jipprovokkaw vjolenza settarja kontra l-insara.

Djar ta’ Talb

Biex tkun rimedjata s-sitwazzjoni fl-2014, il-Kostituzzjoni Eġizzjana kienet wasslet lill-Parlament biex jgħaddi liġi li taġġorna r-regolamenti tal-1934 b’mod li dawn “jiggarantixxu l-libertà tal-prattika reliġjuża u r-ritwali marbuta magħha, għall-insara.

Fit-30 ta’ Awwissu 2016 il-Parlament Eġizzjan għadda liġi li permezz tagħha twaqqaf Kumitat biex jivverifika jekk il-knejjes li kienu nbnew bla permess kienux ta’ livell mitlub mil-liġi.

Fl-Eġittu, l-insara jagħmlu 10% tal-popolazzjoni li hi ta’ madwar 95 miljun persuna li ħafna minnhom huma Ortodossi. Issa li l-knejjes li kienu nbnew illegalment qed ikunu regolariżżati, il-komunitajiet insara lokali jistgħu jitolbu bla biża’ li jitkeċċew mid-djar tat-talb tagħhom.