L-Eġittu illegalizza 102 knejjes Insara

L-Insara huma minorità fl-Eġittu li fil-parti l-kbira ħafna tiegħu hu pajjiż Musulman u l-bini ta’ knejjes insara dejjem kien problematiku. Iżda issa l-Prim Ministru Sherif Ismail illegalizza 102 knejjes u 64 bini ieħor tal-Knisja Kattolika, li qabel ma kienux liċenzjati.
Il-ġurnal Eġizzjan “Egyptian Street” qal li hu ferm diffiċli biex il-knejjes ikunu liċenzjati għax il-proċess jista’ jieħu snin twal u għalhekk ħafna nsara Eġizzjani jiltaqgħu fil-moħbi. 
Iżda issa r-regolamenti llaxkaw xi ftit u fl-2016 għaddiet liġi li ħaffet ir-regolamenti dwar il-bini ta’ postijiet ta’ talb għall-insara. Il-Kostituzzjoni Eġizzjana tiggarantaixxi l-liberta’ reliġjuża għall-Musulmani, l-Insara u l-Lhud.
Iżda ħafna drabi l-marmalja Musulmana attakkat ċittadini nsara u għamlet ħsara jew farrket il-knejjes tagħhom.
Sadattant il-Patrijarka tal-Kottoliċi Kopti, laqa’ lill-President Eġizzjan Abdel-Fatteh el Sissi wara li reġa’ kien elett fit-2 ta’ dan ix-xahar. Kelliem għall-Knisja Kattolika Kopta Eġizzjana qal li l-Patijarka enfasizza mal-President l-importanza tas-setturi tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-ġid komuni matul l-erba’ snin li ġejjin.
Il-kelliem tal-Knisja wera l-apprezzament għal-liġi li kienet approvata s-sena li għaddiet dwar il-bini ta’ knejjes ġodda. Qal li “din hi liġi li l-insara kien ilhom ħafna jistennew” u faħħar l-azzjoni tal-Gvern kontra l-attakki terroristiċi fuq il-knejjes.
Il-President Eġizzjan jaħtar lill-Prim Ministru li jmexxi l-Gvern u l-Kabinett u għandu influwenza qawwija anke fuq il-Parlament.