“L-edukaturi u l-istudenti għandhom jingħataw prijorità għall-iswab tests rapidi” – UPE

Miguela Xuereb

Il-Unjini tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet li nnuttat b’approvazzjoni l-wasla riċenti tal-ewwel konsenja ta’ rapid testing kits tal-COVID-19 li jagħtu r-riżultat tal-iswab tests sa 30 minuta wara li jkun sar it-test. Il-Unjin qalet li temmen li l-fatt li r-riżultat joħroġ f’ħin daqshekk qasir huwa żvilupp maġġuri fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

Il-Unjin sostniet li dawn it-testijiet għandhom ikunu aċċessibli għal professjonisti tas-saħħa, carers, edukaturi, studenti, kif ukoll ħaddiema tat-trasport pubbliku, l-ajruporti, ristoranti, ħwienet u lukandi, biex dawn jibbenifikaw minn dawn it-tests biex ikollhom riżultat mill-aktar fis.

Sadanittant, filwaqt li l-ammont ta’ tests aċċessibli huwa wieħed limitat, il-Unjin qed tappella lill-Gvern biex jagħti prijorità l-edukazzjoni tat-tfal qabel l-ekonomija u t-turiżmu. Sostniet li dawn it-testijiet jinfurmaw lil dak li jkun immedjatament jekk studenti u edukaturi għandhomx imorru l-iskola jew le.

Il-UPE temmet tappella lill-Gvern biex jimxi fuq l-eżempju tal-Italja u jassigura li dawn it-testijiet jintużaw fl-iskejjel.