L-edukaturi qed iqattgħu aktar sigħat jaħdmu – MUT

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) wettqet stħarriġ li minnu ħareġ illi kemm ilha li bdiet il-pandemija tal-coronavirus, u t-tagħlim beda jsir online, l-edukaturi qegħdin iqattgħu aktar sigħat jaħdmu, u din il-pandemija qed ikollha effetti psikoloġiċi fuqhom.

Wara li għalqu l-iskejjel f’Marzu, u t-tagħlim mexa online, l-MUT irċeviet informazzjoni mill-membri dwar l-impatt fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-edukaturi.

L-MUT stqarret li filwaqt li l-edukaturi komplew jipprovdu l-aqwa esperjenza edukattiva lill-istudenti fiċ-ċirkustanzi, l-isforz involut biex iċċaqalqu r-riżorsi għal pjattaformi online, biex jintlaħqu l-istudenti u anke biex jingħata feedback, ħalla impatt u possibbilment irriżulta fi żbilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u dawk tal-ħajja, inklużi l-impenji tal-familja. Għaldaqstant l-MUT għamlet stħarriġ biex tanalizza aħjar is-sitwazzjoni.

Fl-istħarriġ ipparteċipaw 692 edukatur. Dan sar matul l-aħħar ġimgħa t’April u l-ewwel ġimgħa ta’ Mejju. L-istħarriġ kien jikkonsisti fi 13-il mistoqsija u t-tweġibiet kienu anonimi. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet:

  • 78.9% tal-parteċipanti qalu li qegħdin iqattgħu aktar sigħat jaħdmu minn qabel;
  • 45.8% wieġbu li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja ġie affettwat negattivament;
  • 47.5% qalu li l-pożittiv u n-negattiv ibbilanċjaw lil xulxin;
  • 83.5% qalu li jirċievu komunikazzjonijiet mill-istudenti wara l-ħin tax-xogħol, jiġifieri filgħaxija, fil-weekend jew fil-btajjel;
  • 57.9% sostnew li jirċievu tali komunikazzjonijiet mill-ġenituri;
  • 63.9% qalu li jirrispondu lura lill-istudenti f’ħin li mhuwiex tax-xogħol u 42.6% lill-ġenituri;
  • 70.8% tal-parteċipanti jirċievu komunikazzjonijiet minn ta’ fuqhom barra l-ħin tax-xogħol (19.1% minnhom qalu li ta’ fuqhom jippretendu tweġiba f’ħin li wkoll mhuwiex tax-xogħol; 51.2% sostnew li xorta jwieġbu lil ta’ fuqhom meta ma jkunx il-ħin tax-xogħol)
  • 77.7% tal-parteċipanti jħossu li dan il-perjodu kellu impatt psikoloġiku fuqhom, b’ħafna edukaturi jippruvaw isibu metodi kif jirnexxilhom ikampaw fiċ-ċirkustanzi, eżempju 30.6% qegħdin jużaw kamra jew spazju partikolari għax-xogħol, u 29.8% jippruvaw jixegħlu l-laptop jew il-kompjuter biss waqt il-ħin tax-xogħol; oħrajn jitolbu sapport minn servizzi varji, jagħmlu eżerċizzju fiżiku, imorru xi mixja, jaqraw iktar, isajru u anki s-sapport reċiproku tal-kollegi.

Ir-raġunijiet għaliex l-edukaturi jwieġbu lill-istudenti barra l-ħin tax-xogħol jinkludu li dan isir sabiex ix-xogħol ma jakkumulax, u peress li minħabba responsabbiltajiet tal-familja mhux dejjem ikunu jistgħu jżommu mal-ħinijiet tal-iskola. Ċerti edukaturi jħossu wkoll obbligu li jirrispondu immedjatament, speċjalment lil ċerti studenti li ma tantx juru interess u allura ma jkunux jixtiequ li jdumu biex ituhom tweġiba.

Numru ta’ edukaturi qalu li t-tagħlim virtwali u l-lezzjonijiet online qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-klassi fil-ħajja reali, speċjalment ma’ studenti żgħar. Apparti dan, għal numru kbir ta’ edukaturi huwa ħafna aktar diffiċli li tipprova tgħallem u tikkomunika online, li għalih il-preparazzjoni tieħu ħafna ħin, u bħala riżultat il-ħajja tagħhom imtliet b’iktar stress.

Dawk li wieġbu li huma wkoll ġenituri ta’ tfal żgħar appellaw biex kulħadd jipprova jifhem id-diffikultajiet eżistenti tagħhom, u qalu li ma jistgħux ikunu mistennija jagħmlu ċerti affarijiet meta jkunu kontinwament qed jieħdu ħsieb lil uliedhom waqt li jippruvaw ikomplu bil-lezzjonijiet, l-emails u l-korrezzjonijiet. Filwaqt li xi edukaturi jħossuhom frustrati bil-fatt li l-ġenituri u l-istudenti jistennew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom il-ħin kollu, oħrajn irrikonoxxew, għall-inqas, li ħafna ġenituri jifhmu li s-sitwazzjoni hija ta’ stress kbir għal kulħadd u qed ikunu aktar kooperattivi.

Xi tweġibiet esprimew ukoll aspetti pożittivi oħra ta’ din l-esperjenza, speċjalment iktar ħin għalihom u għall-familja, u inqas stress filgħodu minħabba s-sewqan għax-xogħol u t-tiftix għall-parkeġġ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn