“L-edukaturi mhux qegħdin hemm biex il-ġenituri jmorru għax-xogħol”

Permezz ta’ messaġġ imqanqal mid-dibattitu dwar jekk l-iskejjel għandhomx jinfetħu f’Settembru jew le, edukatur sostna li jixtieq jifhem min kien li għadda l-messaġġ li l-edukatur qiegħed hemm biex il-ġenituri jkunu jistgħu jmorru għax-xogħol.

Il-messaġġ tal-edukatur li hu membru tal-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE) ġie ppubblikat fuq il-paġna tal-istess union. Hu ddeskriva kif il-mentalità li l-iskejjel iridu jiftħu f’Settembru għax il-ġenituri jridu jmorru x-xogħol hija mentalità abbużiva. Irrimarka kif kull darba li jisma’ din ir-raġuni, jibda jiddubita kemm wieħed jagħraf eżatt il-valur ta’ xogħol l-edukatur.

Irrimarka kif jibda jiddubita l-għan wara li ċertu ġenituri jibagħtu lil uliedhom l-iskola: “għax jixtiquhom jikbru b’mod sħiħ jew biex iservu lilhom innifishom?” Qal li meta jisma’ dan ir-raġunar, jasal biex jifhem li l-edukaturi qegħdin hemm biex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu affarijiet oħrajn waqt li l-edukaturi jieħdu ħsieb lil uliedhom. Hu kompla jgħid kif jiftakar f’dawk id-drabi meta xi student ikollu bżonn imur id-dar, iżda meta l-iskola tipprova taqbad lill-ġenituri fuq il-mobile, dan imur voicemail u ma jinqabdu qatt.

Hu insista li l-edukatur mhux qiegħed hemm biex iservi l-bżonn ta’ min jaħdem, iżda biex iservi l-bżonn tal-istudent. “L-edukatur qiegħed hemm sabiex jara li l-istudent jiżviluppa b’mod sħiħ. L-edukatur mhux qiegħed hemm biss biex iservi sabiex ir-rota tal-ekonomija ddur. Din hija mentalità abbużiva lejn l-integrità tal-edukatur u kull min qed jaħseb hekk ikun kompliċi f’dan l-abbuż ġej minn liema naħa ġej,” irrimarka l-edukatur. Qal li l-vokazzjoni u l-impenn tal-edukatur imorru lil hinn mill-ekonomija u kull ħaġa oħra finanzjarja. Staqsa jekk l-edukatur huwa importanti daqshekk, mela għala mhuwiex rikonoxxut daqs edukaturi Ewropew bħal tal-Fillandja u l-Ingilterra u pajjiżi Ewropej oħra minn kull lat fejn il-livell tal-għejxien iħabbatha ma’ dik lokali? Staqsa wkoll għala ċertu nies weħlu fil-mentalità li l-edukatur qiegħed hemm biex jieħu ħsieb l-istudenti waqt li l-ġenituri qed jaħdmu, milli jaħsbu dwar l-idea li l-edukatur qiegħed hemm biex jindokra u jeduka individwu?

B’hekk appella biex meta wieħed jaħseb f’Settembru, jara li jaħseb b’mod ġdid u differenti. Sostna li warakollox, fil-vaganzi tas-sajf, il-ġenituri jsibu mod kif jokkupaw lil uliedhom waqt li l-istess ġenituri jkomplu bl-impenji tax-xogħol.

Propju lbieraħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici reġa’ insista li kif qal fil-Parlament, il-Ministeru qed jaħdem biex l-iskejjel jiftħu fit-28 ta’ Settembru li ġej bil-prekawzjonijiet kollha. Sostna li t-tfal jixirqilhom li jibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Qal li hu fid-dmir tagħhom li jħejju rwieħhom għax-xenarji kollha. “Dan hu xogħol li ma bediex issa imma ilu għaddej minn April li għadda,” irrimarka Bonnici.

Kif ghidt b'mod car fil-Parlament, ahna qed nahdmu sabiex l-iskejjel jifthu fit-28 ta' Settembru li gej…

Posted by Owen Bonnici on Monday, August 3, 2020

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li l-pjan li ġie kkomunikat miegħu dwar il-ftuħ tal-iskejjel huwa li se jsir f’Settembru kif skedat. Qal li hemm ħafna pjanijiet li jridu jsiru biex it-tfal ikunu sikuri u jemmen li SkolaSajf qed tintuża bħala mudell għal dan.

Insista li l-iktar ħaġa importanti huwa li l-awtoritajiet jikkomunikaw id-deċiżjoni finali f’waqtha. Hu appella lil kulħadd irid jifhem li għalissa jaf għadu kmieni wisq. Intant qal li jibqa’ xettiku fuq it-tagħlim online u b’hekk jibqa’ favur li tinfetaħ l-iskola dejjem jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji. Irrimarka kif kien hemm ħafna tfal li ntilfu, speċjalment ħafna minn dawk li jkollhom bżonn xi tip ta’ sapport fil-klassi. Appella biex kulħadd iżomm il-kalma u ħadd ma jivvinta u joħloq inċertezzi mingħajr raġuni.

L-iskejjel meta ser jifthu jien ma nafx però il-pjan li gie kkomunikat mieghi hu li l-ftuh pjanat ghall Settembru kif…

Posted by Oliver Scicluna on Monday, August 3, 2020

“Bżonn li jinbidlu l-laptops tal-edukaturi f’każ li l-iskola ma tibdiex f’Settembru” – MUT

Min-naħa tagħha, l-MUT qed titlob lill-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex jibdel il-laptops tal-għalliema. Permezz ta’ notifika fuq il-website tal-union, kien spjegat li din il-problema hemm bżonn tiġi riżolta speċjalment ladarba hemm possibilità kbira li l-edukaturi jkollhom jaħdmu online fis-sena skolastika l-ġdida.

L-union qalet li l-Ministeru huwa konxju li l-laptops tal-edukaturi huma qodma u hemm bżonn li jinbidlu. L-union appellat sabiex dawn jitqassmu qabel il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida. L-MUT infurmat ukoll lill-awtoritajiet tal-Knisja bil-korrispondenza mal-Ministeru u talbet li jsir l-istess fl-iskejjel tal-Knisja.

L-union irrimarkat li fit-tweġiba tiegħu, is-Segretarju Permanenti qal li l-Ministeru qed jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jibda dan il-proċess. Intant, l-edukaturi ġodda qed jintalbu jiġbru l-laptop assenjat lilhom.