Aġġornata: “L-edukaturi jieklu l-burgers u t-tfal bla pastizzi”

Arkivji

Reazzjonijiet kunfliġġenti ħonqu l-midja soċjali dwar iċ-ċirkulari li ntbagħtet lill-iskejjel biex fil-festini tal-Milied ma jkunx hemm ikel meqjus mhux tajjeb għas-saħħa bħall-pastizzi u sausage rolls.

Iċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Edukazzjoni tindika x’ikel u x’xorb għandu jittieħed għar-riċevimenti u okkażjonijiet speċjali fl-iskejjel.

“L-istess regoli għandhom japplikaw għall-għalliema u l-istaff”

Għadd ta’ ġenituri rrimarkaw li jekk iridu jagħtu eżempju lit-tfal, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-għalliema u l-istaff tal-iskejjel. Omm partikolari spjegat kif meta marret tiġbor lil binha mill-iskola għax kien ma jiflaħx, rat lill-assistenti kapijiet tal-iskola u anke lis-segretarji jieklu l-burgers tat-tiġieġ. Omm oħra spjegat li mhux l-ewwel darba li l-għalliema jieklu l-crisps u jixorbu l-juices fil-klassijiet, minkejja li l-istudenti ma jistgħux jieħdu dawn magħhom l-iskola.

“Pastizz darba fil mhux se jagħmel ħsara; bżonn iktar eżerċizzju”

Oħrajn insistew li l-problema fl-obeżità tat-tfal mhux ġejja għax jieklu pastizz darba fil, iżda għax l-iskejjel ma jiffukawx kemm hemm bżonn fuq l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku. Kien hemm min qal li l-ħsara ssir meta l-pastizzi jibdew jittieklu ta’ kuljum.

“Naqqsu l-kurrikulu u żidu l-PE”

Il-ġenituri nsistew li jekk hemm bżonn li t-tfal jonqsu fil-piż, iridu jiżdiedu l-lezzjonijiet tat-taħriġ fiżiku (PE), anke jekk jitnaqqas il-kurrikulu tal-bqija tas-suġġetti. Oħrajn semmew kif l-isport u l-attività fiżika jista’ jingħatalhom aktar ħin, anke fil-brejk.

Isemmu l-bejgħ mill-canteen u l-vann tad-doughnuts

Xi ġenituri semmew kif minkejja l-edukazzjoni li qed tingħata fl-iskejjel dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa, bosta skejjel għadhom jippermettu li ta’ kuljum it-tfal jitħallew jixtru l-pastizzi u sausage rolls mil-canteen. Semmew ukoll kif, l-istess tfal imbagħad, malli joħorġu mill-iskola jsibu jistenniehom il-vann tad-doughnuts.

“…imbagħad jagħtuhom frott immuffat u ħaxix niexef”

Saret ukoll referenza għall-iskema tal-frott u l-ħaxix fejn bosta ġenituri lmentaw kif it-tfal mhux jitħallew jieklu l-pastizzi iżda qed jitħallew jieklu l-frott u l-ħaxix tal-iskema tal-Gvern. Huma ddeskrivew dan il-ħaxix bħala niexef u l-frott bħala mmuffat. Missier sostna li l-mod kif jiġu ppreżentati l-karrotti lanqas fenek ma jikolhom.

“Xorta jistgħu jieħdu pjaċir b’ikel tajjeb għas-saħħa”

Min-naħa l-oħra kien hemm ġenituri li qablu ma’ din id-deċiżjoni u sostnew li t-tfal xorta jistgħu jieħdu pjaċir f’festin jekk ikollhom ikel tajjeb għas-saħħa. Madankollu bosta kkontradixxew dan u insistew li jekk l-ikel ikun kollu ta’ dan it-tip, ħafna tfal se jispiċċaw jew ma jieklu xejn, jew inkella lanqas jattendu l-festin.

“Impressjoni ħażina tal-edukaturi; mibegħda bla bżonn” – MUT

L-Unjin tal-Għalliema rreaġixxiet għall-artiklu u esprimiet id-diżappunt tagħha, kif it-titlu jagħti impressjoni ħażina tal-edukaturi u joħloq mibegħda bla bżonn. Il-kelliem tal-MUT qal li “ħadd ma jara każijiet fuq kemm għalliema jispiċċaw jaqsmu l-ikel tagħhom mat-tfal, kemm minnhom ma jlaħħqux jieklu sabiex ikomplu jispjegaw xi ħaġa lil tfal li ma jkunux laħqu fehmu jew li jkunu morda u tilfu xi lezzjoni”.

Saħaq li faċli li wieħed jiġġudika u jiġġeneralizza, “iżda dan ma jkunx korrett”.

Dwar il-policy il-ġdida tal-ikel, fisser li l-MUT diġà esprimiet ruħha fil-ġimgħat li għaddew, fejn qalet li din hija riġida u restrittiva wisq fuq it-tip ta’ ikel li t-tfal se jitħallew jieklu, speċjalment f’okkażjonijiet speċjali bħall-Milied u festi oħra.  Irrimarkat li kkomunikat mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex titranġa s-sitwazzjoni li sejħet redikola.