“L-edukaturi għandhom jiġu stmati; mhux askapitu ta’ tfal b’diżabilità” – CRPD

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna sostna li filwaqt li s-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi għandhom ikunu mħarsa, dan ma jistax isir askapitu tad-dinjità u s-saħħa ta’ tfal b’diżabilità.

Dan qalu fi stqarrija mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), f’reazzjoni għad-diskors u d-direttivi tal-Union tal-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) u l-Union tal-Għalliema Maltin (MUT). Il-UPE – Voice of the Workers kienet qalet li qed iweġġgħu mat-3 Learning Support Educators (LSEs) fil-ġimgħa minħabba l-piż tal-istudenti li qed iqandlu.

Filmat: Qed iweġġgħu xi 3 LSEs fil-ġimgħa minħabba t-tqandil – UPE

Il-Kummissjoni talbet lill-Gvern sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jassigura s-saħħa tal-edukaturi tiegħu, kif ukoll ir-riżorsi li jiġu bżonn. Sostniet li minkejja kollox, biex dan iseħħ, wieħed ma għandux juża’ tfal vulnerabbli bħala ħsara kollaterali fil-ġlieda bejn l-unions għall-membri.

L-Uffiċjal Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jobliga lill-LSEs jerfgħu piż ta’ 27 kilogramma ta’ kuljum. Żied jgħid li kantun ta’ seba’ pulzieri jiżen ftit inqas minn 27 kilo u li b’hekk ifisser li LSEs iridu jqandlu daqs bennej. Qal li fost LSEs hemm nisa li għandhom 25 sa 60 sena.