L-editur tas-sit elettroniku tal-GWU se jingħaqad ma’ One News

Sorsi qrib il-Partit Laburista ikkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li Aleander Balzan, l-eks editur tas-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-GWU se jingħaqad mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ One.
L-istess sorsi sostnew li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ One News, l-eks kandidat Laburista Manuel Micallef mistenni jirriżenja minn din il-kariga x’aktarx qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex postu jieħdu Balzan.

Kien is-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-GWU stess li ħabbar kif b’effett immedjat, Roberta Fenech kienet se tassumi r-responsabbiltajiet ta’ kordinatur flok Balzan.
Hu mifhum li mistennija tiżdied il-kollaborazzjoni bejn is-sit elettroniku u One, b’iktar filmati tal-One jixxandru fuq is-sit elettroniku tal-GWU.
L-istess sorsi qrib il-Partit Laburista sostnew ma’ Newsbook.com.mt, li qed issir pressjoni fuq iċ-Chairman ta’ One, Jason Micallef biex jirriżenja sabiex ikun jista’ jsaħħaħ u jiddedika il-ħidma tiegħu għall-attivitajiet li huma marbuta mal-Valletta 2018.