L-Editur ta’ Newsbook.com.mt eletta fl-IĠM

IĠM-kunsill-elett

Read in English.

L-Editur ta’ Newsbook.com.mt, Sylvana Debono, ġiet eletta fl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn se tkun qed isservi fil-kunsill sal-2022.

Ilbieraħ saret il-laqgħa ġenerali annwali b’mod virtwali fejn inħatar il-Kunsill Eżekuttiv ġdid għall-IĠM. Fi stwarrija kien spjegat li għall-ewwel darba, il-kunsill se jkollu membri minn sitt kmamar tal-aħbarijiet lokali biex il-media Maltija tkun rappreżentata b’mod sħiħ. Intant, għall-ewwel darba wkoll, l-IĠM se jkollu tliet nisa fil-Kunsill. Din hija l-akbar rappreżentanza femminili li qatt kellu l-Kunsill tal-IĠM fi 30 sena.

Sylvana Debono eletta fl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

L-IĠM spjegat li ma kienx hemm persuna nnominata għall-kariga ta’ President u waqt il-laqgħa kienn hemm qbil li persuna fost il-membri eletti fil-kunsill għandha tintgħażel għall-President fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill. Waqt din il-laqgħa jitqassmu wkoll il-karigi rispettivi.

Nigel Mifsud se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali waqt li Mario Schiavone se jibqa jokkupa l-kariga ta’ teżorier. Il-membri l-oħra appuntati huma Claire Caruana, Sylvana Debono, Christine Amaira, Neil Camilleri, Julian Bonnici, Charles Camenzuli u Domenic Aquilina. Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef se jkun membru mingħajr vot fil-kunsill, bl-għaqda hi statutorjament affiljata fi ħdan l-IĠM.

Intant, waqt il-laqgħa, l-IĠM żvelat il-logo il-ġdid tagħha u kummissjonijiet oħra li jaħdmu b’mod awtonomu mill-Kunsill Eżekuttiv: il-Kummissjoni għall-Etika fil-Ġurnaliżmu u l-Kummissjoni li se jkollha f’idejha l-organizzazzjoni tal-Malta Journalism Awards.

Il-membri approvaw b’mod unanimu diversi emendi fl-istatut, li jġibu lill-IĠM konformi mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni għall-Volontarjat. Fosthom kien hemm iż-żieda minn 7 għall 9 fl-ammont ta’ membri li għandhom ikunu fil-Kunsill tal-IĠM, il-bidla fin-nomenklatura biex minflok Chairperson, l-IĠM ikollu President, it-tneħħija tal-vot bi prokura f’każi ta’ laqgħat ġenerali u li l-laqgħat ġenerali għandhom jibdew isiru kull sena u mhux kull sentejn kif approvat fl-2016. Żieda oħra hi il-ħatra ta’ żewġ reviżuri biex ikun hemm skrutinju aħjar tal-finanzi tal-IĠM, bil-membri Mario Xuereb u Victor Vella jinħatru bħala l-ewwel żewġ reviżuri tal-Istitut.

B’vot unanimu, il-laqgħa ġenerali irringrazzjat lill-membri li temmew ħidmiethom fil-Kunsill: ic-Chairman Yannick Pace, u l-membri Mario Xuereb u Roderick Agius.