L-editur ta’ L-Orizzont għal Kastilja

L-editur tal-ġurnal L-Orizzont, Josef Caruana se jibda jaħdem f’Kastilja. Dan ġie kkonfermat minn Caruana stess ma’ Newsbook.com.mt.
Madanakollu, minkejja li sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li Josef Caruana se jkun responsabbli mill-midja, l-editur ta’ L-Orizzont qal li l-irwol tiegħu mhux se jkollu x’jaqsam ma' dan is-settur.
Filwaqt li spjega li għadu ma spiċċax mix-xogħol kurrenti, stqarr li għadu ma jafx x’se jkun jirrikjedi eżatt xogħlu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl-istess waqt qal li ma jistax joħroġ dettalji f’dan l-istadju.
Żied jgħid li se jbiddel ix-xogħol għax xtaq bidla fil-karriera, u li bl-ebda mod m’għandhom x’jaqsmu l-editorjali li kien jikteb.  
Fl-aħħar ġimgħat, l-editur ta’ L-Orizzont kien fiċ-ċentru tal-kontroversja minħabba l-kummenti u t-tip ta’ lingwaġġ li uża fil-konfront tal-midja indipendenti, il-midja tal-Knisja, il-Knisja nnifisha u anke l-Arċisqof.
Minkejja li l-editorjali tiegħu kellhom il-kundanna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Josef Caruana se jiġi impjegat f’Kastilja stess.
Il-lingwaġġ fl-editorjali ta’ Caruana ġie deskritt mill-midja indipendenti bħala ta’ mibegħda. Dawn ġew ikkundannati wkoll mill-General Workers’ Union, l-unjin li f’isimha joħroġ il-ġurnal L-Orizzont. Il-GWU kienet ħarġet stqarrija, fejn iddiżassoċjat ruħha mill-editorjali tal-ġurnal tagħha stess.
Wara din id-dikjarazzjoni tal-unjin, f’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Josef Caruana kien stqarr li l-pożizzjoni tiegħu fl-editorjali li jikteb se tibqa’ l-istess u li mhux beħsiebu jibdel it-tip ta’ lingwaġġ li juża.
F’wieħed mill-editorjali tiegħu, minbarra li rrefera għal dik li sejjaħ midja qarrieqa, Caruana semma lill-Arċisqof “bit-truppi tiegħu fl-RTK, taħt it-tmexxija ta’  Joe Borg, id-dinosawru mid-dinastija Fenech Adami, u spjuni u sabotaturi infilsati f’kull struttura pubblika”.