L-editorjali Każ Egrant: Minn “warrab” għal “m’għandux x’jaħbi”

Kif wieħed jistenna l-faċċati u l-editorjali tal-gazzetti tal-lum jagħtu prijorità u kollha jgħidu tagħhom fuq il-każ Egrant wara l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia li din it-tielet kumpanija fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
L-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta jiddeskrivi “l-kriżi tal-Prim Ministru.” L-editorjal jisħaq li l-allegazzjonijiet huma sejri ħafna u jistgħu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż. Għalhekk l-editur jisħaq li sakemm hemm l-investigazzjoni, il-Prim Ministru “ma għandux għażla oħra” ħlief li jwarrab. “L-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jistgħux jaġixxu b’serenità għax hu involut, direttament jew indirettament, fil-ħatriet tagħhom.”
Min-naħa tiegħu l-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday jistaqsi x’kien hemm fil-famużi bagalji f’id is-sid tal-Bank Pilatus li dakinhar li ħarġu l-allegazzjonijiet deher ħiereġ mill-bieb ta’ wara tal-bank tard filgħaxija. Dan jgħid li għandu jkun hemm inkjesta oħra dwar għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija dam daqshekk biex jitlob inkjesta maġisterjali u għalfejn il-Bank ma kienx issiġġilat qabel l-għada filgħodu.
Imbagħad, kif wieħed jistenna, editorjali differenti għal kollox bejn il-gazzetti Kulħadd u Il-Mument. Il-Kulħadd tagħti ħarsa lejn id-dibattitu ta’ nhar il-Ġimgħa u jgħid li “Busuttil reġa’ ħareġ ta’ falz u opportunist,” u jinsisti li l-istorja hija vvintata u li l-Prim Ministru ma għandux x’jaħbi. L-editorjal ta’ Il-Mument jagħti ħarsa lejn il-każ kollu kif żvolġa sa issa u “r-rabtiet bejn Kastilja u l-familja fit-tmun tal-Ażerbajġan” u jisħaq li l-poplu qed jistenna tweġibijiet serji.  
Jekk l-editorjali ta’ dawn iż-żewġ gazzetti ma jaqblu xejn, il-gazzetti donnhom ftehmu fit-titlu ewlienin fuq l-ewwel pagna: “Game Over.”
Saviour Balzan, l-editur ta’ Malta Today jgħid li f’dan il-każ, “ras xi ħadd se tinqata.” Jitkellem dwar il-provi u n-nuqqas tagħhom u jgħid li meta kien hu li kixef l-iskandlu taż-żejt, f’Jannar tal-2013, hu kellu fatti u dokumenti li mar bihom dritt għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Simili huwa l-editorjal ta’ Illum li jgħid li l-uniku ħaġa ċerta hija “li xi ħadd se jkollu jwarrab jew idendel rasu bil-mistħija.” Jgħid li dan hu żmien iebes għall-Partit Laburista u għall-Prim Ministru imma jinsisti li għadu kmieni u l-istorja għad trid tiżvolġi. Itemm jawgura li “s-sewwa jirbaħ żgur.”
Fl-aħħarnett l-editur ta’ It-Torċa jgħid li l-allegazzjonijiet għad jiġu riżolti u li issa l-pajjiż għandu jiffoka l-enerġija u jitkellem fuq temi li jolqtu n-nies.