L-Ebola tinfirex fl-urban fil-Kongo; biża’ li se tfaqqa’ xi epidemija oħra

Il-vajrus tal-Ebola li fl-aħħar jiem reġa’ ġie intraċċat fi nħawi rurali tal-Kongo, infirex f’belt urbana.
Il-Ministru għas-Saħħa tal-Kongo, Oly Ilunga Kalenga, ikkonferma li l-belt ta’ Mbandaka nltaqtet ukoll mill-vajrus.
Dan hu perikoluż l-aktar għax hi ċentru tat-trasport, li fost l-oħrajn twassal sal-kapitali Kinsasha.
Xi jiem ilu l-Gvern Malti kien ħareġ stqarrija javża sabiex min jista’ jgħaddi billi ma jżurx dan il-pajjiż, jagħmel hekk, u min irid bilfors imur jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Mindu reġa’ feġġ il-vajrus aktar kmieni dax-xahar fil-Kongo, 42 persuna ġew infettati, u 23 mietu.
Meta fl-2014 kienet faqqgħet l-epidemija tal-Ebola fil-pajjiżi tal-Punent tal-Afrika, kienu mietu aktar minn 11,000 persuna, l-aktar għax il-vajrus infirex fil-bliet kapitali tal-Guinea, is-Sierra Leone u l-Liberja.
Peter Salama, uffiċjal għoli mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li l-firxa tal-vajrus fi Mbandaka tista’ tkun il-preludju għal tifqigħa oħra tal-Ebola.
L-Ebola kien reġa’ deher f’Bikoro, li jinsab fil-Provinċja ta’ Equateur fil-Kongo.
Ħafna qed jaħsbu li l-Ebola reġgħet infettat lin-nies wara l-epidemija tal-2014 minħabba li nġarret minn friefet il-lejl, u minn laħam ta’ annimali li jkunu mardu biha.
L-ebola mhix trażmessa jekk wieħed jieħu l-arja mingħand persuna infettata.
Wieħed ilaqqat il-vajrus jekk ikollu kuntatt dirett mad-demm, il-ħmieġ, l-organi u fluwidi oħra tal-persuna li tkun infettata, jew kienet infettata.
Persuna infettata tista’ tmarrad lil ħaddieħor wara li tibda tħoss is-sintomi tal-vajrus.